Sport Sport Ieħor

Sliema Hotsticks u Floriana Young Stars ikomplu bl-isfida għar-rebħ tal-kampjonat

(Ritratt: Andrea Curmi)

Sliema Hotsticks u Floriana Young Stars għamlu dak mistenni minnhom meta rebħu l-logħbiet rispettivi. B’hekk huma komplew bl-isfida tagħhom maċ-champions Qormi Daikin għar-rebħ tal-kampjonat.

Floriana Young Stars għelbu lil Rabat 2-0. Rabat żammew ir-riżultat mingħajr gowls fl-ewwel taqsima iżda l-avversarji marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Kien Mark Camilleri li skorja b’xutt b’saħħtu minn azzjoni ta’ korner qasir. Tmien minuti wara Young Stars irduppjaw b’Justin Farrugia jiskorja wara azzjoni mill-aqwa. Keith Calleja u Glen Bonello kienu l-umpires tal-logħba.

Sliema Hotsticks għelbu lil White Hart 3-0. Minkejja li kienu superjuri fil-pussess tal-ballun, Hotsticks ftit kellhom x’juru hekk kif daħlu jistrieħu 1-0 biss fil-vantaġġ b’gowl ta’ Alessandro Amore. Ryan Dalli u Christian Sammut kabbru l-iskor fit-tieni taqsima.

Il-kampjonat ikompli għada bil-logħbiet li tħassru minħabba l-maltemp fi Frar. Sliema Hotsticks u Floriana Young Stars jilagħbu kontra xulxin filwaqt li l-Ħamis Qormi Daikin jilagħbu kontra White Hart. It-tieni rawnd jintemm il-Ħadd bil-logħba bejn White Hart u Floriana Young Stars fid-9.00am u warajhom fil-11.00am Qormi Daikin jaffrontaw lil Rabat.

Klassifika: Qormi Daikin 10 punti minn 6 logħbiet, Sliema Hotsticks 10 punti minn 7 logħbiet, Floriana Young Stars 8 punti minn 6 logħbiet, Rabat 4 punti minn 7 logħbiet, White Hart 0 punti minn 6 logħbiet.

Tags