Il-Kap tal-PN Adrian Delia żar lid-dilettanti u l-maħżen tal-Karnival fil-Marsa, li t-Tlieta nħakem minn nirien.
Adrian Delia tkellem mad-dilettanti li bħalissa jinsabu bla maħżen, b’numru ta’ apparat, għodda u teknoloġija li ġiet meqruda kważi totalment minn din id-disgrazzja. Bid-dilettanti għadhom viżibbilment maħsuda b’dak li seħħ huma tkellmu mal-Kap tal-PN fejn qalu li l-ħsara li sofrew tlaħħaq l-eluf.
Intant Adrian Delia sostna li dan il-wirt kulturali għandu jiġi mħares, għax mhux biss għandu storja mill-isbaħ, iżda wkoll huwa dak li jżewwaq dan id-delizzju għall-futur. Il-Kap tal-PN qal li hija sfortuna, li b’differenza mill-aħħar ġranet huwa kellu jżur dan il-maħżen minħabba disgrazzja.
Fil-messaġġ tiegħu huwa qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ taħdem biex dawk responsabbli jieħdu ħsieb lid-dilettanti tal-karnival, fejn fost l-oħrajn għandhom nuqqas ta’ fondi, u nuqqas ta’ għajnuna. Adrian Delia qal li akkost dan kollu r-riżultat tagħna l-Maltin dejjem ikun fost l-aqwa fl-Ewropa jew anki l-aqwa fuq skala dinji, u dan huwa riżultat fuq kemm hemm ħtieġa li din l-arti tiġi mħarsa u mgħejuna għax hemm tassew il-potenzjal u t-talent.
Il-Kap tal-PN appella wkoll biex kull min jista’ jgħin lil dawn id-dilettanti li sfortunatment ġew milquta minn din l-isfortuna.
Flimkien ma’ Adrian Delia kien hemm il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo.