“Irridu ninvestu aktar fl-iscreening tal-kanċer u nagħmlu kampanji biex inħeġġu aktar nies biex, meta jissejħu, jipparteċipaw fil-programmi ta’ screening. Jekk naqbdu l-kanċer kmieni jfisser li nkunu nistgħu nsalvaw aktar ħajjiet.” L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, membru tal-Grupp MEPs Kontra l-Kanċer, qal dan wara li l-programm ta’ l-iscreening tal-musrana ġie estiż biex jinkludi aktar kategoriji ta’ etajiet differenti.
Francis Zammit Dimech reġa’ nsista mal-Gvern biex jesplora l-possibilità li jintroduċi population-based screening għall-kanċer tal-prostata. Fil-fatt, din hi waħda mill-proposti konkreti li nieda Zammit Dimech fil-ġimgħat li għaddew. Filwaqt li l-Pjan Nazzjonali tal-Kanċer jgħid li hemm bżonn ta’ aktar evidenza xjentifika, opinjonijiet oħra, inkluż dik tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Uroloġija, jindikaw li evidenza ġdida qed turi kemm hu kruċjali l-iscreening għall-kanċer tal-prostata. Zammit Dimech qal li hu jrid aktar investiment f’kampanji ta’ għarfien. “Irridu nassiguraw li s-servizzi ta’ screening mhux ikunu biss disponibbli, imma li r-rati ta’ dawk li jaċċettaw li jagħmlu l-iscreening ikunu għoljin. Biex dan iseħħ, hemm bżonn ta’ aktar għarfien.” Ir-rata ta’ dawk li jaċċettaw li jagħmlu l-iscreening għall-kanċer fil-musrana hi ta’ 55%, u skont studju, madwar 40% ma pparteċipawx fl-iscreening tal-kanċer tas-sider. Aktar minn hekk, mara biss minn kull tlieta li jkunu mistiedna għall-iscreening għall-kanċer fl-utru jmorru jagħmlu t-test.
Zammit Dimech qal li hu pożittiv li l-iscreening ħall-kanċer fil-musrana, li daħal fis-seħħ minn amministrazzjoni tal-PN, jkun estiż għal dawk li għandhom bejn il-55 u d-69 sena. Hu qal li l-istakeholders li ltaqa’ magħhom pproponew ukoll li għandu jkun ikkunsidrat li jekk l-informazzjoni turi li hemm bżonnu, l-età għall-iscreening ta’ kanċer oħra ukoll għandhom ikunu estiżi. Dwar dan, Zammit Dimech qal li proposta oħra li ressaq ‘il quddiem kienet li d-data li tinġabar mir-reġistri tal-kanċer fl-UE tkun mxerrda bejn il-Membri Stati. Dan jippermetti professjonisti u dawk li jagħmlu l-politika biex jifhmu aħjar dak li qed iseħħ u jaġixxu b’aktar għarfien.
Fl-aħħar ġimgħat, Zammit Dimech iltaqa’ ma’ diversi stakeholders li jinkludu pazjenti, professjonisti, xjentisti u NGOs u sema’ r-rispons tagħhom. Fil-jiem li ġejjin, se jkun ukoll qed iniedi dokument bi proposti.
//= $special ?>