Lokali Saħħa Sport

Appoġġ psikoloġiku b’xejn għall-pazjenti bi problemi fil-kliewi

LifeCycle-R.U.S.H. estiża ukoll għad-donaturi u r-riċevituri ta' trapjant tal-kliewi

Il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) u t-Taqsima tal-Kliewi qegħdin jikkollaboraw f’inizjattiva bl-isem ta’ R.U.S.H. – Renal Unit Support Health Hub, biex jitqassmu vawċers lill-pazjenti kollha, madwar 300 b’kollox, bi problemi fil-kliewi, lid-donaturi u lir-riċevituri ta’ trapjanti tal-kliewi.

Il-vawċer tal-LifeCycle-R.U.S.H., imħabbar fi stqarrija fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ddedikat għall-mard tal-kliewi, iċċelebrat għada l-Ħamis 14 ta’ Marzu, qed jitqassam mit-Taqsima tal-Kliewi fl-Isptar Mater Dei u jista’ jissarraf f’appoġġ psikoloġiku bla ħlas.

B’hekk, il-pazjent hu intolat għal sessjoni ta’ terapija bla ħlas ma’ wieħed mill-ħames psikologi elenkati mill-Kamra tal-Psikologi ta’ Malta (MCP) f’din l-iskema.  Wara li jagħmel appuntament mal-psikologu, il-pazjent jieħu l-vawċer miegħu meta jmur għall-viżta biex imbagħad il-ħlas lill-psikologi jsir mill-fondi miġbura tal-Fondazzjoni LifeCycle.

Dan l-appoġġ psikoloġiku għandu jgħin lill-pazjenti tal-kliewi li jsibu ruħhom kompletament mitlufin dwar kif jistgħu jaddattaw ħajjithom biex jitħejjew mentalment għall-bidliet li jħabbtu wiċċhom magħhom fl-istadji ta’ din il-marda. Dawn il-pazjenti jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi fin-nutrizzjoni tagħhom, fil-flessibiltà finanzjarja, fil-ħajja soċjali u saħansitra biex iżommu xogħlhom.

Intant, il-Fondazzjoni LifeCycle tfakkar lill-poplu Malti għall-ġenerożità tagħha fl-isfida Nescafé 3in1 LifeCycle Challenge 2019, li se tieħu lill-parteċipanti għal sfida iebsa fl-Asja t’Isfel, billi wieħed jidħol fuq is-sit: https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge/ għall-aktar informazzjoni.