Futbol Sport

Barcelona jaċċertaw il-kwalifikazzjoni fl-aħħar kwarta

(Ritratt: EPA)

BARCELONA……………………………. 5

M. ter Stegen, S. Roberto (N. Semedo 83’), G. Pique, C. Lenglet, J. Alba, S. Busquets, I. Rakitic, Arthur (A. Vidal 74’), P. Coutinho (O. Dembele 70’), L. Messi, L. Suarez

OLYMPIQUE LYON…………………… 1

A. Lopes (M. Gorgelin 34’), J. Denayer, Marcelo, F. Marcal, L. Dubois, L. Tousart, T. Ndombele, F. Mendy (M. Cornet 77’), N. Fekir, M. Depay (B. Traore 73’), M. Dembele

Imwissija: F. Marcal 33’, M. Dembele 45’ (O), C. Lenglet 49’ (B)

Skorjaw: L. Messi 18’ pen, 78’, P. Coutinho 31’, G. Pique 81’, O. Dembele 86’ (B), L. Tousart 58’ (O)

Referee: Szymon Marciniak (Polonja)

Barcelona aċċertaw mit-12-il kwalifikazzjoni konsekuttiva fil-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League b’rebħa ta’ 5-1 fil-Camp Nou kontra Olympique Lyon. Minkejja r-riżultat finali, Barcelona kellhom jitħabtu biex rebħu hekk kif kien biss fl-aħħar kwarta li huma għamlu ċert mir-rebħa bi tliet gowls.

It-tim ta’ Valverde fetaħ l-iskor fis-17-il minuta meta r-referee Pollakk Szymon Marciniak ordna penalty għal fawl fil-kaxxa ta’ Jason Denayer fuq Luis Suarez. Is-solitu LIONEL MESSI nkariga ruħu u b’sogru iżda b’intelliġenza qabbeż kemm kemm il-ballun fuq Anthony Lopes.

L-iskor sar 2-0 fil-31 minuta b’Arthur jgħaddi tajjeb lejn Luis Suarez li daħal fil-kaxxa u qata’ lil Lopes meta qassam lil PHILIPPE COUTINHO li kompla l-ballun f’lasta vojta.

Olympique Lyon daħlu fil-logħba fit-58 minuta meta minn kross ta’ Memphis Depay, id-difiża ta’ Barcelona naqset li tbiegħed il-periklu b’LUCAS TOUSART jikkontrolla l-ballun b’sidru u għeleb lil Marc Andre ter Stegen b’xutt mill-ewwel.

Fil-minuti ta’ wara daħlet ftit tensjoni f’Barcelona iżda kien fit-78 minuta li l-Katalani għalqu l-logħba. LIONEL MESSI rċieva ballun vertikali, avvanza, evita żewġ difensuri u b’xutt fil-baxx bil-lemin għeleb lis-sostitut Mathieu Gorgelin li seta’ biss imiss il-ballun, f’azzjoni oħra brillanti tal-Arġentin.

Il-pressjoni fuq Barcelona spiċċat u tliet minuti wara għamluhom 4-1, b’kontrattakk mill-aqwa, b’Messi jerġa’ juri l-kwalità tiegħu meta b’intelliġenza tefa’ kross bil-lemin fuq it-tieni lasta lejn GERARD PIQUE li skorja mill-viċin. Kien għad fadal ħin għal gowl ieħor meta din id-darba kien is-sostitut OUSMANE DEMBELE li rċieva mingħand Messi u b’xutt minn qagħda ideali għeleb lil Gorgelin.