Knisja Lokali

Charles Miceli mfakkar sena wara mewtu minn Caritas Malta

Familjari, ħbieb u kollaboraturi tal-Caritas inġabru għall-quddiesa quddiem Dar Charles Miceli

Nhar id-9 ta’ Marzu ħabat l-ewwel anniversarju mit-telfa tal-attivist kontra l-faqar, Charles Miceli. Caritas Malta, flimkien mal-familja Miceli, ħbieb u kollaboraturi fost l-oħrajn mill-Alleanza kontra l-Faqar fakkret l-memorja tiegħu b’quddiesa lejlet l-anniversarju biswit il-monument ħaj tiegħu, id-dar tal-Aftercare għall-persuni li ħarġu minn programmi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga msemmija għalih fil-Mosta.

Magħhom ingħaqdu bosta membri tal-Emotions Annonymous Support Group, imwaqqaf mill-istess Miceli, u residenti li qed isegwu programm ta’ riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga minn diversi djar ta’ Caritas Malta kif ukoll residenti tal-Prison Inmates Programme ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, fejn Charles għamel żmien imexxi din id-dar waqt il-ħidma tiegħu ma’ Caritas, għal din l-okkażjoni.

Wara l-quddiesa, dawk kollha preżenti qasmu l-memorji sbieħ tagħhom ta’ Charles u l-impatt li ħalla fuq ħajjet dawk preżenti. Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, tkellem fuq l-imħabba bla kundizzjoni li Charles kellu għall-fqir, il-batut u l-imwarrab u l-kapaċità tiegħu li jidħol fiż-żarbun ta’ dak li qiegħed jaqdi.

Bosta semmew il-kapaċità ta’ Charles li jidħaq bih innifsu u jnissel tbissima bl-umoriżmu tiegħu anki f’mumenti diffiċli. Minn naħa tal-familja tkellmet bint Charles Miceli, Vanessa, fuq l-imħabba ta’ missierha għaliha, għall-familja u għal dawk li fil-bżonn, li tant kien akkanit biex jgħin.

Mart Charles Miceli, Pauline, raddet ħajr lil dawk kollha li qasmu dawn l-esperjenzi, li jżommu l-memorja ta’ żewġha ħajja. Hi stqarret li f’din id-dar tagħha ukoll ħassitha parti mill-familja kbira u ġeneruża tal-Caritas u ta’ kull min ifittex il-wens u l-għajnuna fiha.