Futbol Sport

Doppjetta ta’ Mane u gowl ta’ van Dijk ipoġġu lil Liverpool mal-aħħar tmienja

(Ritratt: EPA)

BAYERN MUNICH………………….. 1

M. Neuer, Rafinha, N. Süle, M. Hummels, D. Alaba, J. Martinez (L. Goretzka 72’), T. Alcantara, S. Gnabry, J. Rodriguez (R. Sanches 79’), F. Ribery (K. Coman 61’), R. Lewandowski

LIVERPOOL…………………………. 3

A.Becker, T. Alexander-Arnold, J. Matip, V. van Dijk, A. Roberston, J. Henderson (Fabinho 13’), J. Milner (A. Lallana 87’), G. Wijnaldum, M. Salah, S. Mane, R. Firmino (D. Origi 83’)

Imwissija: Fabinho 43’, J. Matip 63’, A. Robertson 92’ (L), T. Alcantara 65’, R. Sanches 83’ (B)

Skorjaw: S. Mane 26’, 84’, V. van Dijk 69’ (L), J. Matip 39’ og (B)

Referee: Daniele Orsato (Italja)

Għall-ewwel darba mill-istaġun 2008/2009, erba’ timijiet Ingliż jinsabu fil-kwarti tal-finali wara li Liverpool għaddew ukoll għas-spejjeż ta’ Bayern Munich b’rebħa ta’ 3-1 fl-Allianz Arena. Liverpool kienu tilfu l-aħħar erba’ logħbiet barra minn darhom fiċ-Champions League, iżda kellhom wirja dixxiplinata biex għelbu lil Bayern Munich li kellhom biss żewġ xuttijiet fil-lasta tul il-logħba.

Dan ir-riżultat ikompli jitfa’ mistoqsijiet dwar ir-rinnovament li hemm bżonn isir fit-tim ta’ Bayern Munich hekk kif din kienet l-ewwel darba mill-istaġun 2010/2011 li ma rnexxielhomx jikkwalifikaw mal-aħħar tmienja fil-kompetizzjoni. Il-formazzjoni inizjali ta’ Bayern Munich kienet tikkonsisti f’sitt plejers li għandhom 30 sena jew aktar, bil-Ġermaniżi kienu mingħajr enerġija u ideat fl-attakk.

L-ewwel kwarta tal-logħba kienet simili għall-ewwel konfront li ntemm 0-0, biż-żewġ timijiet ikunu attenti għal xulxin, b’Liverpool joperaw ftit aktar bil-kontrattakk. Liverpool fetħu l-iskor fis-26 minuta meta minn SADIO MANE kkontrolla b’mod preċiż ballun fit-tul ta’ Virgil van Dijk u b’finta dar ma’ Manuel Neuer li ħareġ f’tarf il-kaxxa u qabbeż il-ballun fix-xibka.

Bayern Munich irnexxielhom iġibu d-draw fid-39 minuta meta Serge Gnabry avvanza mil-lemin wara li rċieva ballun fit-tul, avvanza u tefa’ kross fil-baxx, b’Joel Matip jitfa’ fix-xibka tiegħu stess fit-tentattiv li jantiċipa lil Robert Lewandowski.

It-tim Ingliż reġa’ mar minn fuq fid-69 minuta meta minn korner mil-lemin ta’ James Milner, għola tajjeb VIRGIL VAN DIJK li rebaħ id-dwell ma’ Mats Hummels u għeleb lil Manuel Neuer b’daqqa ta’ ras, f’dak li kien l-ewwel gowl tiegħu ma’ Liverpool fiċ-Champions League.

Liverpool għalqu definittivament il-kwalifikazzjoni fl-84 minuta meta Mohamed Salah tefa’ kross lejn SADIO MANE li żmarka ruħu tajjeb minn ma’ Hummels u tar minn tulu biex għeleb lil Neuer b’daqqa ta’ ras.