Lokali

Fabrizio Scirè qed jiġi interrogat mill-Pulizija fi Sqallija

“Qed ngħix bħal ħolma kerha”. Hekk stqarr il-kuntrattur Sqalli Fabrizio Scirè, f’intervista mal-istazzjon televiżiv fi Sqallija VR, wara li x-xahar li għadda allega li kien aggredit mill-Pulizija f’Malta.

Viżibbilment emozzjonat huwa jistqarr li qed jibża’ mill-Pulizija Maltija.

Fl-intervista jirrakkonta l-biżgħa kbira u l-paniku li ħakmuh meta fit-23 ta’ Frar kien ikkonfrontat mill-Pulizija f’Malta, wara li xi persuni mhux magħrufa taw in-nar lill-vettura tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ.

Portal Sqalli kien xandar filmat fejn f’ħin minnhom, ir-raġel jidher qed jissara mal-Pulizija.

Skont kif rappurtat minn Siracusa News u kif allegat minnu stess fuq post fuq Facebook, malli talab lill-Pulizija jgħinuh biex ineħħi l-vetturi li ma kinux milquta min-nirien, Scirè qal li ġie aggredit mingħajr ebda raġuni.

L-istess kuntrattur Sqalli kien għamel stqarrija iebsa…. hu kien sostna li min żbalja, se jħallas għal għemilu.

Fabrizio Scirè jsostni li Malta hi gżira sabiħa u l-Maltin għandhom qalbhom tajba. Ħafna mill-Pulizija jagħmlu xogħolhom sew iżda mbagħad issib ukoll dawk il-ftit li jiżbaljaw.

Siracusa News kien irrapporta li Scirè għamel rapport kemm f’Malta kif ukoll lill-Avukat tiegħu fl-Italja. Qal li l-Ambaxxata Taljana, il-Gvern Malti u l-Ministeru tal-Intern kif ukoll l-ogħla uffiċjali tal-Pulizija kienu infurmati b’dan il-każ.

Min-naħa tal-Kummissarju tal-Pulizija kien hemm skiet totali dwar dan il-każ. Iżda l-President tal-PoU, l-ispettur Sandro Camilleri kien stqarr li kienet gidba li l-Pulziija sawwtu lil dan ir-raġel Sqalli. Camilleri kien insistna li jidher ċar li kien ir-ragel Sqalli li kien aggressiv mal-Pulizija…u mhux bil-kontra!

It-Tlieta, Scirà issejjah mill-Pulizija fi Sqallija fejn irrakkonta l-verżjoni tieghu tal-fatti.