George Vella se jkun approvat mill-Parlament fit-2 ta’ April. Dan sar magħruf mill-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra tar-Rappreċentanti. Sar magħruf li dak inhar se jkun hemm id-diskussjoni u vot dwar in-nomina ta’ George Vella bħala l-għaxar President tar-Repubblika. Il-ħatra ta’ Dr Vella ssir jumejn wara.
Quddiem il-Parlament hemm żewġ mozzjonijiet imressqa mill-Prim Ministru b’waħda minnhom titlob il-ħatra ta’ Vella u oħra ta’ ħajr lill-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca. It-Tabib Vella serva fil-Parlament bejn l-1978 u l-2017, fosthom fl-aħħar leġiżlatura, fejn serva bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jivvota favur il-ħatra ta’ George Vella bħala l-President il-ġdid ta’ Malta. Adrian Delia, Kap tal-Partit Nazzjonalista diġa’ kkonferma li l-PN se jkun qed jivvota favur Vella għax il-PN irid iġib l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox. Il-PN kien ilu ġimgħat jitlob għal president li jkollu l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li kellu l-kuraġġ jaħtar lil xi ħadd mill-kamp politiku oppost meta nnomina lil George Abela biex iservi bħala President fl-2009. Fakkar ukoll li l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil kien mexxa lill-grupp parlamentari tiegħu biex jaġġoġġja n-nomina tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Delia qal li xtaq president maħtur minn żewġ terzi tal-kamra għax kien ikollu l-aħħar kelma fuq nominazzjonijiet oħra biex tissewwa l-problema tal-poter assolut li għandu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Malta. Madankollu l-Gvern rema’ din il-proposta.
//= $special ?>