Internazzjonali

AĠĠORNATA: Sitt studenti u ħaddiema massakrati fi skola tal-Brażil

Żgħażugħ daħal jispara fl-iskola

 

Żewġ aggressuri armati sa snienhom fetħu n-nar fuq in-nies ġo skola tal-Istat f’Suzano, fil-limiti ta’ Sao Paulo, fejn qatlu talanqas sitt studenti u żewġ persuni li kienu impjegati mill-istess skola.

L-isparatura seħħet f’ħin meta l-istudenti kienu għall-break u l-pulizija, wara, ikkonfermaw li l-aggressuri responsabbli  — li t-tnejn kienu lebsin il-maskri – qatlu lilhom infushom ‘ladarba kkonkludew l-attakk’.

Filwaqt li l-awtoritajiet ma żvelawx l-identitajiet tal-qattiela u tal-istudenti maqtula, hemm indikazzjonijiet qawwija li ż-żewġ aggressuri, sa ftit ilu, kienu jattendu din l-iskola.

Fl-istess ħin, l-iskop wara l-isparatura  għadu mhux ċar , bin-nies li għexu mill-minuti tat-twerwir, wara, jirrakkuntaw dwar ‘is-sens ta’ paniku assolut’ li ħakem l-iskola waqt l-attakk ‘bl-istudenti u għalliema jiġru ma’ kullimkien biex isalvaw ħajjithom’.

Filwaqt li l-attakki ta’ dan it-tip huma pjuttost komuni fl-Istati Uniti, il-massakru f’Suzano hu  fenomenu rari fil-Brażil anki jekk dan l-Istat Latin Amerikan hu magħruf għall-isparaturi kontinwi fl-ibliet tiegħu.

L-iskola ta’ Suzano tipprovdi servizzi ta’ tagħlim lil xi 1,000 student ta’ età primarja u sekondarja u li għandhom bejn is-sitta u t-tmintax-il sena.

Il-Gvernatur tal-Istat ta’ Sao Paulo, Joao Doria,  bagħat messaġġ ta’ sogħba lill-familji tal-imġarrba waqt li kkundanna ‘dan il-qtil brutali u bla sens’ fl-iskola.