Il-Gvern Malti qed jirrifjuta li jagħti viża lit-tarbija ta’ sena tal-ġurnalista Torka Pelin Ünker, biex din tkun tista’ tiġi Malta nhar is-Sibt li ġej. F’reazzjoni dwar dan l-iżvilupp, fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li din hi deċiżjoni tal-mistħija.
Investigative journalist @pelinunker planning to attend Daphne’s vigil on Saturday. Maltese authorities disrupt the visit, denying visa to her one-year old. Shameful.https://t.co/F1qKc6YesU
— Adrian Delia (@adriandeliapn) March 13, 2019
Kien l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa li, fi stqarrija, ħabbar li l-Gvern Malti rrifjuta li joħroġ il-viża għat-tarbija ta’ Ünker, kif ukoll għar-raġel tagħha. Fil-fatt, il-ġurnalista investigattiva li tifforma parti mill-ICIJ, kellha tbiddel il-pjanijiet tagħha, u minflok żjara ta’ tliet ijiem, se jkollha tagħmel żjara ta’ ġurnata. Nhar is-Sibt li ġej, hi se tattendi attività organizzata mill-MEP Casa mas-soċjetà ċivili, kif ukoll għall-vġili ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fl-istqarrija, David Casa qal: “Dan il-Gvern ma sabx diffikultà jagħti eluf ta’ viża lil ċittadini Alġerini u Libjani, b’allegazzjonijiet serji fuqhom, kif ukoll lil mijiet ta’ ħaddiema Torok fil-qasam tal-kostruzzjoni. Imma għandu problema ma’ tarbija ta’ ġurnalista. Tal-mistħija.”
Bħalissa, Pelin Ünker qed tistenna l-qorti Torka biex tiddetermina jekk tikkonfermax is-sentenza ta’ 13-il xahar ħabs, għaliex ippubblikat fatti mill-Paradise Papers dwar qraba ta’ politiċi fl-ogħla livell tal-poter.
Meta lbieraħ kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew, David Casa għamel appell lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jinsistu mal-awtoritajiet Torok biex iwaqqgħu l-akkużi kontra Pelin Ünker.
//= $special ?>