Lokali Unjoni Ewropea

“Il-Gvern ħalla lill-Maltin fl-Iskozja mingħajr informazzjoni dwar Brexit” – PN

Il-vot tal-bieraħ fil-House of Commons hu vot ta’ tħassib kbir, u għalhekk il-Gvern Malti għandu jipprepara sew għal kull eventwalita’.

Stqarr dan id-Deputat David Stellini, kelliem tal-PN għall-Affarijiet Ewropej, wara l-vot li fih il-Parlament Ingliż reġa’ ċaħad il-ftehim li laħqet Theresa May mal-Unjoni Ewropea.

David Stellini fakkar li illejla se jittieħed vot ieħor, bit-tama li l-Ingliż ma jħallux l-UE fix-xenarju ta’ ‘no deal’. “F’każ ta’ ‘no deal Brexit’ dan jaf ikollu effett kbir fuq pajjiżna, u huwa propju għalhekk li l-PN ilu żmien twil jinsisti mal-Gvern sabiex ikun tassew preparat”.

Ta’ tħassib partikolari hi s-sitwazzjoni tal-Maltin li jgħixu fl-Iskozja. Il-PN qal illi l-assoċjazzjoni li tirrapreżenta lil dawn il-Maltin (madwar 9,800 ruħ) għadha ma rċiviet l-ebda informazzjoni minn naħa tal-Gvern x’se jiġri f’każ ta’ ‘no deal’.