Lokali

It-tieni investigazzjoni Taljana fi ftit jiem issib lil Malta “l-pajjiż destinatarju ta’ flus għal skop ta’ ħasil ta’ flus”

Il-Pulizija fl-Italja ġabet fi tmiemha l-investigazzjoni Black Money li fost oħrajn kixfet kif flus li kienu jiġu akkwistati permezz ta’ frodi fil-konfront tal-istat ġew trasferiti lejn Malta għal skop ta’ ħasil tal-flus.

Il-Pulizija arrestat 12-il persuna mill-provinċji ta’ Verona, Brescia u Bergamo wara li nqabdu jħaddmu din is-sistema. Huma nkixfu hekk kif il-Pulizija ta’ Cerea nnutaw numru ta’ persuni li ta’ kuljum kienu jippruvaw jiġbru somom ta’ flus minn uffiċċji postali.

Jirriżulta li l-amministraturi ta’ sitt kumpaniji, li bejniethom kienu jimpjegaw mat-300 ħaddiem, kienu ħolqu mekkaniżmu biex jiddikjaraw dħul falz u b’hekk iqarrqu bl-istat Taljan.

Fil-mira tal-Pulizija hemm 81 persuna li jinsabu akkużati b’diversi reati relatati mal-ħasil tal-flus għal valur li jlaħħaq il-€75 miljun.

Minbarra f’Malta, parti mill-flus ġew trasferiti wkoll lejn l-Ungerija, il-Kroazja u ċ-Ċina

Din l-investigazzjoni hi t-tieni waħda fl-aħħar jiem, wara li jumejn ilu bankier privat fl-Italja nkixef mill-Pulizija bħala l-persuna li qarraq b’għexieren ta’ investituri privati bil-konsegwenza li seraqhom madwar €8 miljun u nofs. L-investigazzjonijiet urew li ttrasferixxa parti mill-flus fil-Brażil, l-Iżvizzera kif ukoll f’pajjiżna.