Lokali Parlament

Kull min iqiegħed fis-suq appartat, regolaturi u ċilindri tal-gass iġorr ir-responsabbilita’

L-individwi u l-kumpaniji li jqiegħdu fis-suq apparat, ċilindri tal-gass u regolaturi, huma responsabbli biex jiżguraw li l-prodotti jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet kollha tas-sigurtà skond il-leġiżlazzjoni applikabbli. Jirriżulta li hemm għaddejja ukoll inkjesta maġisterjali dwar wieħed minn dawn il-każijiet.

Dan qalu l-Ministru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma Joe Mizzi fuq mistoqsija li saret mid-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, li staqsa: fid-dawl ta’ splużjonijiet ta’ ċilindri tal-gass u leakages li seħħew minn ċilindri oħra tal-gass, (jien stess kelli ċilindru li beda jillikja waqt li kien imqabbad mal-heater), jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru spezzjonijiet biex jiġu osservati standards ta’ safety mill-prodotturi taċ-ċilindri tal-gass u fejn jimtlew biex safejn ikun possibbli, jiġu evitati nirien, leakages jew splużjonijiet? Billi jidher li dis-sena ġew rappurtati numru ta’ każijiet ta’ leakages fejn saħansitra kien hemm posts anke fuq facebook f’dan is-sens, jaħsibx il-Ministru li din il-materja għandha tittieħed bis-serjetà li jixirqilha?

Il-Ministru qal li abbażi tal-informazzjoni disponibbli s’issa, dawn l-inċidenti ma jidhrux li huma relatati. Għar-rigward ta’ dawn it-tliet inċidenti riċenti li potenzjalment kienu jinvolvu ċilindru tal-gass, kemm l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kif ukoll ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma bdew minnufih l-investigazzjonijiet rispettivi tagħhom.

Mizzi qal li tajjeb li wieħed ikun jaf li jsiru l-kontrolli fuq iċ-ċilindri fir-rigward tal-integrità strutturali u tal-leaks. Ċilindri ġodda huma ċċertifikati fil-punt tat-tqegħid fis-suq għall-konformità mal-istandards relevanti. Sussegwentement, iċ-ċilindri jiġu ċertifikati mill-ġdid kull 10 snin. Kontrolli dokumentarji fir-rigward tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid jitwettqu fuq bażi kontinwa. Prodotti li ma jgħaddux mit-testijiet għaċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid jinqerdu mill-fornitur.

Il-Ministru qal ukoll li jsiru ukoll kontrolli fuq regolaturi u valvi li jibdew minn verifiki dokumentarji li jindikaw li dwar il-prodott ikkonċernat ikunu twettqu l-verifiki ta’ konformità kollha meħtieġa skond il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-verifiki ikunu akkumpanjati b’testjar tal-prodott fiżiku li jsir f’laboratorju akkreditat. Dawn ir-riżultati tat-test huma ġeneralment disponibbli f’madwar 15-il ġurnata, bla ħsara għad-disponibilità tal-laboratorji.