“L-Avukat Ġenerali li suppost qiegħed hemmhekk biex jiddefendi liċ-ċittadini u biex iħares l-interess nazzjonali minflok sar l-avukat tal-Prim Ministru u l-Ministri.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika fis-Swieqi bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.
Adrian Delia qal li fetaħ kawża Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Dan in-nuqqas ta’ aċċess għar-rapport sħiħ qed isir bi ksur tad-dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jirċievi u jkollu aċċess għall-informazzjoni skont il-kariga li jokkupa bil-Kostituzzjoni biex ikun jista’ jaqdi dmirijietu. Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta lil Adrian Delia tmur ukoll kontra l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea, filwaqt li ħolqot żbilanċ politiku serju bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Adrian Delia qal li l-Avukat Ġenerali ta kopja tal-inkjesta lill-Ministru tal-Ġustizzja, għax skont l-istess Avukat Ġenerali dan kien qed jassisti lill-Prim Ministru bħala avukat. Dan meta Ministru ma jistax jeżerċita professjoni jew xogħol iehor. Huwa qal li wara sar magħruf li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern ukoll kien ingħata kopja tal-inkjesta. L-iżbilanċ politiku huwa ċar meta kien l-Avukat Ġenerali stess li qal li ma kienx se jagħti kopja sħiħa tar-rapport lill-Kap tal-Oppożizzjoni għaliex ‘ma kienx se jħallih fil-kexxun’ iżda kien se jitkellem dwarha.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu tilef ħafna mill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għax inħatfu mill-Gvern. Dwar il-ġudikatura, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello qal li sittax mill-aħħar sbatax-il nomina li saru mill-Gvern kienu ta’ nies viċin il-Partit Laburista. Adrian Delia qal li din mhix sitwazzjoni normali f’pajjiż demokratiku, għaliex ifisser li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna mhux qed jiffunzjonaw, u dan b’theddida għad-demokrazija.
Adrian Delia qal li dak li l-Gvern għamel fil-ġudikatura, għamlu wkoll fil-Forzi Armati kif ħareġ mir-rapport tal-Ombudsman u għamlu wkoll fil-Korp tal-Pulizija. Huwa qal li din hija ġlieda għall-ħarsien tas-saltna tad-dritt u l-Partit Nazzjonalista, kif għamel fil-passat, qiegħed jerġa’ jiġġieled il-ġlieda biex pajjiżna ikun tassew demokratiku.
//= $special ?>