Lokali

Priġunier ieħor jinstab mejjet fil-ħabs ta’ Kordin

Ftit tal-ħin ilu gwardjani fil-ħabs ta’ Kordin sabu priġunier ieħor mgħallaq f’waħda miċ-ċelel li hemm f’Diviżjoni 2 li hi waħda mis-swali fis-central hall tal-ħabs ta’ Kordin.

Il-vittma, li jidher li uża liżar biex wettaq dan il-ġest, hu priġunier ta’ 38 sena minn Santa Venera. Fl-2013 hu beda  jiskonta sentenza ta’ ħabs dwar attentat ta’ qtil u f’Marzu tas-sena li għaddiet reġa’ rritorna wara li attakka lill-istess mara bl-aċtu, fil-Marsa.

Net News qed jiżvela din l-aħbar b’mod esklussiv hekk kif b’din is-sejba kienu mgħarrfa kemm it-tmexxija tal-ħabs kif ukoll il-Pulizija li bdew l-investigazzjonijiet tagħhom.

Din is-sejba saret ftit tal-ħin wara l-17:15. Aktar dettalji dwar dan il-każ fil-ħin li ġej.

Is-sejba tal-priġunier bla ħajja ssegwi żewġ każi oħra li seħħew ftit jiem bogħod minn xulxin f’Diċembru li għadda: żagħżugħ ta’ 26 sena li nstab mejjet fil-11 ta’ Diċembru kif ukoll priġunier ieħor li nstab mejjet fis-26 ta’ Diċembru.