Ġlieda li seħħet fi tmiem il-ġimgħa li għadda f’Paceville wasslet għall-arrest ta’ għadd ta’ barranin.
Fl-argument tal-Ħadd li għadda fi stabbiliment tad-divertiment, Albaniż ta’ 32 sena allega li kien aggredit u rraporta l-każ lill-Pulizija. Dan wassal biex ilbieraħ kienu arrestati żewġ Serbi, ta’ 39 u 31 sena rispettivament. Tfittxijiet li saru fuq il-persuna tas-Serbi wasslet għas-sejba ta’ droga suspettata ħaxixa tal-kannabis u kokaina, kif ukoll ponn tal-ħadid.
F’aktar investigazzjonijiet, il-Pulizija ġiet infurmata fejn kienu qed joqgħodu l-persuni involuti u għalhekk, Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan illum marru qrib l-appartament fejn kienu joqgħodu ż-żewġ Serbi, fi Triq Santa Venera, fl-Imsida. Hemm, huma arrestaw lil raġel ta’ 42 sena mill-Maċedonja, li kien sejjer f’din ir-residenza.
Tfittxija fuq il-persuna tiegħu wasslet għas-sejba ta’ droga suspettata ħaxixa tal-kannabis, raża tal-kannabis, kokaina u droga sintetika. Aktar droga nstabet ukoll fil-kamra fl-appartament fejn kien joqgħod it-tielet barrani arrestat.
B’dan il-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Audrey Demicoli, li qed tmexxi Inkjesta assistita minn diversi esperti. Aktar investigazzjoniijet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, bl-irġiel mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.