Arsenal u Inter iridu jaħdmu aktar milli ħadmu fl-ewwel leg jekk iridu jevitaw l-eliminazzjoni fir-rawnd tal-aħħar 16 tal-UEFA Europa League. Arsenal tilfu 3-1 fi Franza ġimgħa ilu, bit-tielet gowl ta’ Ismaila Sarr fit-88 minuta jagħmel il-missjoni aktar diffiċli. Iżda din mhux l-ewwel darba li Arsenal kellhom jagħmlu rimonta wara fir-rawnd preċedenti kienu tilfu l-ewwel leg 1-0 kontra BATE Borisov u rebħu t-tieni leg 3-0. Din id-darba huma għandhom bżonn rebħa tal-anqas ta’ 2-0.
Inter spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Eintracht Frankfurt u għalkemm ir-riżultat mhux negattiv, iżda jħallihom f’sitwazzjoni ta’ rebħa bilfors jew it-tkomplija tal-logħba fil-ħin barrani jekk l-iskor jibqa’ ma jinfetaħx. Spalletti se jkollu jgħaddi mingħajr diversi plejers fosthom is-sospiżi Kwadwo Asamoah u Lautaro Martinez. Hu sejjaħ skwadra ta’ 20 plejers, bi tliet gowlkipers u ħames żgħażagħ tal-Primavera fl-iskwadra.
Chelsea, Napoli u Villarreal huma l-aktar tliet timijiet favoriti li jgħaddu għall-kwarti tal-finali. Il-gowl ta’ Callum Hudson-Odoi lejn it-tmiem poġġa lil Chelsea f’sitwazzjoni aktar komda. Napoli wkoll rebħu 3-0 iżda kienu skorjaw it-tliet gowls tagħhom sas-siegħa logħob u għalhekk għandhom jaċċertaw il-kwalifikazzjoni.
Villarreal rebħu 3-1 barra minn darhom fl-ewwel logħba. Fil-kampjonat Spanjol huma jinsabu qrib ir-relegazzjoni iżda fl-Europa League kellhom staġun pożittiv u huma favoriti li f’darhom jissiġillaw il-passaġġ mal-aħħar tmienja.
Il-ħames darbiet rebbieħa Sevilla għandhom konfront li jista’ jkun diffiċli wara li fl-ewwel logħba f’darhom spiċċaw 2-2 u għalhekk kważi jridu rebħa bilfors biex jgħaddu. Benfica se jfittxu l-appoġġ tal-partitarji tagħhom wara li tilfu l-ewwel leg 1-0 filwaqt li Valencia jieħdu r-Russja vantaġġ minimu ta’ 2-1 li kisbu fil-Mestalla.
UEFA EUROPA LEAGUE
L-aħħar 16 – II Leg
Illum
D. Kyiv v Chelsea 6.55pm (Chelsea rebħu l-ewwel leg 3-0)
Krasnodar v Valencia 6.55pm (Valencia rebħu l-ewwel leg 2-1)
RB Salzburg v Napoli 6.55pm (Napoli rebħu l-ewwel leg 3-0)
Arsenal v Rennes 9.00pm (Rennes rebħu l-ewwel leg 3-1)
Benfica v D. Zagreb 9.00pm (D. Zagreb rebħu l-ewwel leg 1-0)
Inter v E. Frankfurt 9.00pm (L-ewwel leg intemmet 0-0)
S. Praga v Sevilla 9.00pm (L-ewwel leg intemmet 2-2)
Villarreal v Zenit 9.00pm (Villarreal rebħu l-ewwel leg 3-1)
//= $special ?>