Internazzjonali

Boeing twaqqaf il-flotta kollha tal-mudell li ġġarraf fl-Etjopja

Il-kumpanija tal-avjazzjoni Boeing ħarġet ordni biex il-linji tal-ajru ma jibqgħux itajjru l-Boeing 737 Max 8, il-mudell li kien involut fit-traġedja tal-ajru tal-Ethiopian Airlines iktar kmieni din il-ġimgħa li ħalliet 157 persuna mejta. Dan kien it-tieni inċident fatali li sofra dan l-ajruplan relattivament ġdid wara li f’Ottubru li għadda kien iġġarraf ajruplan tal-linja tal-ajru Lion Air fl-Indoneżja li ħalla 189 persuna mejta.

Il-manifattur Amerikan ħa din id-deċiżjoni wara li investigaturi sabu ‘evidenza ġdida’ dwar it-tiġrif tat-titjira ftit minuti biss wara t-tluq mill-belt kapitali Ejopjana Addis Ababa. Id-deċiżjoni taffetwa 371 ajruplan mixtrija jew mikrija minn għexieren ta’ linji tal-ajru minn madwar id-dinja.

Il-Federal Aviation Administration – ir-regolatur nazzjonali Amerikan tal-avjazzjoni – ħadet id-deċiżjoni li tissospendi l-operat tal-ajruplan fuq it-territorju tal-Istati Uniti, wara li l-investigazzjoni qed turi dejjem iktar li kien hemm similaritajiet bejn dan l-inċident u l-inċident tal-Lion Air. Id-deċiżjoni tal-FAA issegwi dik ta’ diversi pajjiżi madwar l-Ewropa, l-Asja u l-Kanada li kienu diġa’ ħadu din il-prekawzjoni iktar kmieni din il-ġimgħa.

Inkwetanti l-fatt li fl-aħħar xhur, kien hemm diversi piloti li kienu rrappurtaw li s-software tal-ajruplan iġib ruħu b’mod stramb li jwassal biex l-ajruplan jinżel għal għarrieda u l-bdoti jkollhom jintervjenu ta’ malajr.