Lokali

Gordon Cordina jgħid li pajjiżna għandu bżonn ħaddiema barranin ta’ kwalità

Għall-Ekonomista Gordon Cordina, hu importanti li pajjiżna jibda jara li jiġbed ħaddiema ta’ kwalità u mhux sempliċiment barranin, li qed joħolqu biss flessibbiltà fl-impjiegi.

Dan il-messaġġ, meqjus minn ħafna bħala ta’ twiddiba għall-politika preżenti tal-Gvern, ħareġ minn Business Breakfast organizzat minn The Malta Business Weekly u l-Federazzjoni Maltija tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali, fejn Cordina kien il-kelliem ewlieni bi preżentazzjoni dwar kif qed jara s-sitwazzjoni ekonomika f’Malta.

Iżda l-kumment tal-Ekonomista ma tantx jidher li niżel tajjeb mar-rappreżentant tal-Gvern preżenti fl-istess attività, bil-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus Clyde Caruana jirrepeti l-messaġġ tal-Gvern billi qal li f’pajjiżna m’għandniex għażla oħra ħlief li jiġu impurtati aktar ħaddiema barranin.

Fl-aħħar xhur, kienu diversi l-entitajiet li wissew bħall-Ekonomista Gordon Cordina ħalli l-ekonomija tagħna ma tibbażax primarjament fuq ħaddiema barranin. Fosthom l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, immexxija minn Adrian Delia, u anke l-UĦM Voice of the Workers, li min-naħa tagħha pproponiet li jkun hemm limitu fuq l-ammont ta’ ħaddiema barranin ħalli jinġiebu biss ħaddiema ta’ kwalità.

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li mn’Alla f’pajjiżna qed jiġu dawn il-barranin biex ikunu jistgħu joħorġu l-pensjonijiet.

B’kawtela, Gordon Cordina rrikonoxxa l-fatt li t-tkabbir fl-ekonomija mill-qasam tal-kostruzzjoni jista’ jonqos fil-futur qrib, iżda għalissa għandna ngawdu minn dan iċ-ċiklu temporanju. Min-naħa l-oħra, appella biex pajjiżna jfittex aktar sostenibbiltà fil-mod kif nippermettu li ssir il-kostruzzjoni.

Hu rrefera wkoll għat-twiddib li pajjiżna diġà kellu mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), fost l-oħrajn fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Hawn hu rrikonoxxa li din il-problema tappnet isem pajjiżna u li għad fadal xi jsir.

Kompla li ladarba t-tkabbir tas-settur tal-gaming qed ibatti bil-mod il-mod, hemm bżonn li nirristrutturaw dan is-settur, fost l-oħrajn b’teknoloġiji ġodda li dejjem qed jiżviluppaw. Dwar iż-żieda fl-ammont ta’ ħaddiema mal-Gvern, Gordon Cordina insista li wieħed irid jevalwa l-kwalità offruta mis-Servizz taċ-Ċivil.

L-Ekonomista qal li hemm bżonn nitrattaw ahjar il-problemi ambjentali għax mhux nagħmlu biżżejjed.

Fost kelliema oħra matul il-Business Breakfast kien hemm Helga Ellul, Direttur tal-aġenzija tal-marketing Advise Ltd, u d-Direttur Ġenerali tal-MEA Joe Farrugia.

Helga Ellul enfasizzat kif l-impjegati għandhom jifhmu l-importanza tal-Edukazzjoni u li din għandha tibqa’ tiġi aġġornata maż-żmien. Bl-istess mod, anke fit-teknoloġija, fejn nafu li din taġġorna ruħha ta’ spiss.

Min-naħa l-oħra, hi appellat ukoll lil min iħaddem biex iħeġġeġ u jara li l-impjegati tiegħu jibqgħu jżommu ruħhom aġġornati.

Fost dawk preżenti għad-diskussjoni, kien hemm ukoll il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg u Karl Gouder.