Lokali

Ikompli t-taħriġ fil-programm ‘Future Leaders’

Bħala parti mill-programm Future Leaders il-Partit Nazzjonalista ġab f’Malta lill-Ġiżwita Fr Edmond Grace sabiex imexxi taħdit u workshop dwar “Il-Ġid Komuni fil-Ħidma Politika”, suġġett meqjus ta’ importanza kbira partikolarment fi programm bħal dan. Fr Edmond Grace  imexxi s-Segretarjat tal-Ġustizzja u l-Ekoloġija taċ-Ċentru Soċjali Ewropew tal-Ġiżwiti.

Biex setgħet isseħħ din iż-żjara kien hemm ukoll l-għajnuna tal-Jesuit Alumni Malta.

Huwa gradwat fil-liġi u lettur fl-istess suġġett kif ukoll it-teorija politika. Is-sessjoni ma’ Fr Grace kienet tikkonsisti wkoll f’workshop bil-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ. Fid-diskussjoni tqajmu diversi punti interessanti dwar id-dilemmi li jiffaċċjaw politiċi meta jiġu biex jindrizzaw ħtiġjiet ta’ kostitwenti li jeleġġuhom u r-responsabbilita’ tagħhom lejn il-ġid komuni. Tmissew punti oħra marbuta mad-demokrazija, mal-ġustizzja, t-trasparenza fil-politika u anki l-liberta’ tal-espressjoni.

Il-Programm Future Leaders 2018/2019 jiġi fi tmiemu formalment ix-xahar id-dieħel. Fil-ġimgħat li ġejjin se ssir sejħa għal dawk interessati li jingħaqdu fit-tieni edizzjoni ta’ dan il-programm li se jibda f’Ottubru li ġej u li se jkun miftuħ għal żgħażagħ ta’ bejn l-14 u t-18-il sena. Future Leaders huwa programm għal dawk iż-żgħażagħ li tinteressahom il-politika u huwa kkunsidrat bħala ‘feeder’ għal ħidma fit-Team Start u warajha fl-MZPN u fil-Partit Nazzjonalista kif ukoll fl-istess ħin għal ħidma politika aktar diretta kemm f’livell lokali kif ukoll f’livell nazzjonali u ewropew.