Lokali

“Il-mewt ta’ persuna oħra hi konferma li l-Gvern qed ifalli fir-riformi tal-ħabs” – PN

Stqarrija maħruġa mid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami

Ebda priġunier, għamel x’għamel m’għandu jmut, jew agħar minn hekk jitħalla jneħħi ħajtu fiż-żmien li jkun fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Minkejja l-ftaħir u aktar eżerċizzji ta’ PR tal-Gvern ta’ dawn l-aħħar ġimgħat, il-mewt ta’ priġunier ieħor fil-ħabs hija konferma tas-sitwazzjoni mwegħra li jinsab fiha l-ħabs

Filwaqt li jibqa’ importanti li wieħed iħallas għal għemilu b’detenzjoni, daqstant ieħor hija importanti r-riforma u r-rijabiltazzjoni tal-priġunieri. Il-Gvern iżda qed ifalli fir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri, u quddiemu reġa’ għandu sitwazzjoni fejn persuna tilfet ħajjitha taħt ghajnejn u f’idejn min suppost qiegħed jirriabilità lill-priġunieri.

Għal din is-sitwazzjoni xi ħadd għandu jġorr ir-responsabbilità u għandha tintrefa’ r-responsabbilità politika. Il-Ministru Michael Farrugia għandu jwieġeb għal dan il-falliment, għaliex kull ħajja hija prezzjuża.