Internazzjonali Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ingliż jivvota biex jiġi estiż Brexit

Fil-Commons jivvutaw kontra t-tieni referendum

Id-deputati fil-House of Commons ta’ Londra ftit tal-ħin ilu, ivvutaw b’412 kontra 202 biex il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, titlob lill-Unjoni Ewropea għal dewmien fil-proċess ta’ Brexit.

Dan ifisser li r-Renju Unit mhux se jħalli l-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu skont il-pjan oriġinali. Dan hekk kif il-Parlament impenja ruħu għal estensjoni għad-data li fiha ir-Renju Unit kellu jispiċċa minn membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru May qalet li l-Brexit kapaċi jkun estiż bi tliet xhur, sat-30 ta’ Ġunju. Dan iseħħ jekk id-deputati parlamentari f’Londra jappoġġjaw il-ftehim ta’ May għall-ħruġ tal-pajjiż mill-UE, waqt vot, il-ġimgħa d-dieħla.

F’każ li l-House of Commons jiċħad il-ftehim mill-ġdid, May ikollha tfittex estensjoni itwal għall-proċess ta’ Brexit.

Madankollu, kwalunkwe estensjoni ta’ dan il-proċess tista’ ssir biss jekk jaqblu dwarha s-27 Stati-membri oħra tal-Unjoni.

Fis-seduta tal-lejla, il-Parlament Ingliż ivvota wkoll kontra referendum ieħor dwar Brexit.

Min-naħa tagħha l-Prim Ministru May wissiet li jekk mhux se jkun hemm qbil għall-pakkett negozjat għat-tluq ta’ pajjiżha, għandu jkun hemm perjodu twil ta’ estensjoni u, saħansitra, issemma perjodu ta’ sentejn.