Huwa inkwetanti kif kull sena 600 persuna f’Malta qegħdin imutu minħabba mard relatat
direttament mat-tniġġis tal-arja. Huwa wkoll tat-tħassib kif in-numru tal-imwiet fost il-Maltin
u l-Għawdxin minħabba l-kwalità ħażina tal-arja f’pajjiżna kważi rdoppja f’dawn l-aħħar tliet
snin. Dan meta fl-2016 l-istatistika tal-Aġenzija Ewropea dwar l-Ambjent kienet turi l-imwiet
prematur relatat mat-tniġġis tal-arja kien jammonta għal 300 persuna. Hija responsabbilità
tal-Gvern li jassigura li l-kwalità tal-arja f’pajjiżna ma tkunx ta’ theddida għas-saħħa tan-nies
u li ma tibqax sejra aktar lura.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata minn Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Inizjattivi Ħodor u Michael Briguglio,
Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew
L-istqaarija tkompli tgħid li r-rapporti Ewropej jikkonfermaw li r-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta għandhom arja li hija 20 darba agħar mil-livelli aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u rapporti oħra fil-midja jikkwotaw statistika tal-esperti li turi kif iċ-ċentru ta’ Malta, b’mod speċjali f’Ħ’Attard, ilkwalità tal-arja hija agħar minn postijiet bħal Beijing, fejn il-kwalità tal-arja hija l-agħar fiddinja kollha.
L-istess Aġenzija Ewropea dwar l-Ambjent iċċertifikat kif pajjiżna għandu rraba’ l-agħar kwalità tal-arja mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, matul issena li għaddiet biss, il-Ministru għall-Ambjent nefaq €700,000 f’reklamar u eżerċizzji ta’ PR biex jgħatti dawn ir-riżultati negattivi.
Il-mard respiratorju li qed iwassal għal imwiet prematur minħabba t-tniġġis tal-arja f’pajjiżna
huwa wkoll riżultat tal-mudell ekonomiku bla pjan tal-Gvern li jkabbar il-popolazzjoni, li qed
iħalli impatt ferm negattiv fuq bosta setturi fosthom it-trasport u t-traffiku biż-żieda qawwija
fl-ammont ta’ karozzi fit-toroq kuljum. Dan qed iwassal ukoll għal żieda fil-piż fuq in-nefqa
għas-saħħa pubblika meta madwar nofs biljun ewro diġà qed imorru għall-mard respiratorju
kull sena.
L-istqarrija ttem tgħid li l-falliment tal-Gvern fil-ħarsien tal-kwalità tal-arja qed ipoġġi wkoll piż
finanzjarju fuq il-familji li qed jaraw żidiet qawwija fl-ispejjeż mediċi. Meta l-medja talimwiet f’Malta hija ferm ogħla mill-medja fl-Unjoni Ewropea, l-Maltin u l-Għawdxin qed jispiċċaw iħallsu l-prezz tal-inkompetenza tal-Gvern.