Lokali

Kunsill mifni bid-djun ma jistax jaqdi lir-resident – Adrian Delia

Żjara fil-lokalità ta' Ħaż Żebbuġ

Kunsill midjun bil-mijiet tal-eluf ta’ ewro, Gvern li ħataf il-poter mill-lokalità, dieqa fost iż-Żebbuġin għall-mod kif il-biedja intesiet għal kollox u negozji żgħar li qed iħabbtu wiċċhom ma’ żminijiet diffiċli.

Kienu dawn ir-realtajiet li ltaqa’ magħhom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara li għamel fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Adrian Delia qal li hija evidenti li l-politika tal-Gvern li jżid il-popolazzjoni mhux tissarraf f’żieda fin-negozju lill-ħwienet iż-żgħar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll mal-bejjiegħa tal-monti fejn fost l-oħrajn sema’ l-karba ta’ dawk li jbiegħu il-prodotti tal-biedja lokali, bejjiegħa li jinsabu verament iddispjaċuti li l-qasam tal-biedja ingħata l-ġenb.

Iżda waħda mill-akbar problemi tal-lokalità hija l-fatt li l-Kunsill Lokali spiċċa bla saħħa ta’ xejn, riżultat ta’ djun ta’ mijiet tal-eluf ta’ Ewro li wiret mill-Kunsill Laburista ta’ qablu.

Tul iż-żjara Adrian Delia kien akkumpannjat mill-kordinatur politiku tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono, minn kandidati għall-elezzjoniijet tal-Parlament Ewropew u kandidati għall-elezzjonijet tal-Kunsill Lokali fuq il-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ.