Lokali

Tat-trakkijiet spiċċaw imwaħħlin

Ikomplu jiżdiedu l-problemi għax-xufiera tat-trakkijiet bi skart tal-kostruzzjoni, hekk kif qabel ma jidħlu fil-barrieri qed ikollhom jistennew għal tlieta jew erba’ sigħat sħaħ f’serbut ta’ traffiku.

Barra barriera, fit-triq li miż-Żurrieq twassal sas-Siġġiewi, ix-xufiera stqarrew ma’ NET News kif din is-sitwazzjoni qed tirriżultalhom f’inkonvenjent kbir, hekk kif qed ikollhom jaħlu nofs il-ġurnata tax-xogħol tagħhom fil-kju.

Dan kollu għax skont regoli ġodda li ddaħħlu, qed jitħallew biss erba’ trakkijiet jidħlu fl-istess ħin. Is-sitwazzjoni qed twassal għal ħafna ħela ta’ ħin u allura dewmien akbar biex jitlesta x-xogħol tal-kostruzzjoni.

Għaldaqstant, qalulna x-xufiera, fl-aħħar mill-aħħar qed ibati l-klijent għax l-ispejjeż żejda li jsibu l-kuntratturi, qed jingħaddew għal fuq min jixtri.

U dan meta l-prezzijiet fis-suq tal-kostruzzjoni diġà huma għoljin ħafna, għad-detriment ta’ eluf ta’ koppji żgħażagħ u mhux biss, li qed isibu diffikultà jlaħħqu mal-prezzijiet li qed jingħatawlhom.