Cagliari rritornaw għar-rebħ meta fis-Sardegna Arena għelbu lil Fiorentina 2-1 biex komplew jinqatgħu miż-żona tar-relegazzjoni. Għal Fiorentina, din it-telfa kompliet ittappan it-tamiet tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa.
Cagliari fetħu l-iskor fit-52 minuta meta minn fuq il-linja leminija, Fabrizio Cacciatore ġibed il-ballun fuq ix-xellug u tefa’ kross fuq it-tieni lasta fejn sab lil JOAO PEDRO li mattar siequ u għeleb lil Pietro Terracciano mill-kaxxa ż-żgħira.
Żewġ minuti wara, Cagliari kienu ħasbu li rduppjaw meta wara offside ta’ Fiorentina, mill-free-kick min-nofs il-grawnd, Luca Cigarini qabbeż il-ballun fuq Terracciano għal gowl mill-isbaħ, iżda r-referee Doveri ħassar il-gowl minħabba li free-kick ma kienx dirett.
It-tim ta’ Rolando Maran irdoppja fis-67 minuta bi kross ta’ Babis Lykogiannis minn free-kick mil-lemin, LUCA CEPPITELLI għola waħdu f’nofs il-kaxxa u skorja b’daqqa ta’ ras.
Cagliari setgħu saħansitra għamluhom tlieta seba’ minuti wara b’xutt ta’ Joao Pedro li stampa l-mimduda. Fiorentina daħlu fil-logħba fit-88 minuta meta FEDERICO CHIESA rċieva ballun fit-tul fl-ispazju u minn pożizzjoni angolata għeleb lil Alessio Cragno.
//= $special ?>