Lokali

Dar ġdida li toffri kenn lil dawk li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom

In-numru ta’ persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom qiegħed dejjem jikber. Qed naraw ukoll żieda fl-ammont ta’ nies li qed jgħixu fil-karozzi tagħhom, f’garaxxijiet, jew saħanstira f’bini abbandunat.

Għal dan il-għan il-Moviement Azzjoni Kattolika qed jingħaqad ma’ NGO’s oħra biex ikunu jistgħu joffru residenza temporanja għal dawk il-persuni li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom matul il-lejl.

Ir-residenza Regina Pacis f’Ħal Balzan qed tiġi konvertita f’dar sabiex toffri kenn temporanju lill-familji fil-bżonn jew grupp zgħir ta’ nies li jispiċċaw bla dar. L-Azzjoni Kattolika sosniet li għad fadal ħafna xogħol x’isir fid-dar Regina Pacis, iżda t-tir tagħhom hu li d-dar tkun lesta sal-aħħar ta’ din is-sena.

L-Azzjoni Kattolika ta’ sikwiet tiltaqa’ ma’ familji li mhux qed jaffordjaw il-kera tagħhom, dan bil-konsegwenza li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom matul il-lejl. Dawn in-nies jeħtieġu kenn temporanju imqar għal ftit xhur sakemm ikunu jistgħu jiġu lura fuq saqajhom.

Probelma kbira li qed jiffaċjaw diversi persuni u familji llum, iktar minn qatt qabel, hija l-kwalita’ tal-propjeta’ fejn wieħed jista’ jgħix, u l-prezz għoli tal-kirjiet eżistenti. Għalhekk, sitwazzjonijiet fejn persuni jew familja li jkollhom bżonn is-sapport għax inkella tispiċċa bla saqaf fuq rasha saret iktar realta’.

Dawn jinkludu nies li jkollhom xogħol sikur, jew ikunu għadhom qed jistudjaw, filwaqt li hem ohrajn li jkunu ghaddew minn esperjenzi ta’ vjolenza domestika, li jkollhom bżonn jitilqu minn fejn ikunu qed jgħixu.

Insibu sitwazzjonijiet fejn persuni anzjani li kienu ilhom jgħixu f’post bil-kera, jispiċċaw jitkeċċew sabiex sid il-post jista’ jwaqqa’ u jibni akar appartamenti. Għandna ammont ta’ persuni f’Malta qed jgħixu f’garaxxijiet, caravans, boathouses u dgħajjes, għax mhux jaffordjaw spazji alternattivi.

F’pajjiżna bħalissa hawn aktar minn 300 persuna li jinsabu bla saqaf fuq rashom, b’uħud minnhom jirrikoru għal dawn it-tip ta’ shelters.

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-kirjiet hija waħda mill-elementi prinċipali li kaġun tiegħu qed jiżdiedu n-nies li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom – sitwazzjoni li l-Istat għandu obbligu jindirizzaha, kif ilu jenfasizza l-Kap tal-PN Adrian Delia.