Futbol Sport

Fabio Cannavaro jinħatar kowċ nazzjonali taċ-Ċina

(Ritratt: Getty Images)

L-eks difensur internazzjonali Taljan Fabio Cannavaro nħatar bħala l-kowċ nazzjonali l-ġdid taċ-Ċina. L-assoċjazzjoni tal-futbol tal-pajjiż ħabbret dan hekk kif il-ġimgħa d-dieħla se tintlagħab it-Tazza Ċiniża.

It-Taljan li bħalissa hu l-kowċ tat-tim mis-Super League Ċiniż Guangzhou Evergrande, se jieħu t-tmexxija tat-tim Ċiniż għal dan it-tournament bejn erba’ nazzjonijiet li jibda fil-21 ta’ Marzu. Iċ-Ċina tilgħab kontra t-Tajlandja fis-semifinali, bis-semifinali l-oħra hi bejn l-Urugwaj u l-Użbekistan. Il-finali tintlagħab fil-25 ta’ Marzu.

L-Assoċjazzjoni tal-Futbol Ċiniża ma kkonfermatx jekk il-ħatra ta’ Cannavaro hix permanenti jew minħabba t-tournament ta’ ftit jiem oħra. Ir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja fl-2006 sejjaħ skwadra ta’ 23 plejer iżda l-attakkant Wu Lei li l-istaġun li għadda spiċċaw l-aqwa skorer tal-kampjonat, tħalla barra.

Marcello Lippi li rriżenja minn kowċ nazzjonali f’Jannar li għadda wara l-eliminazzjoni mal-aħħar tmienja tat-Tazza Asjatika, se jservi ta’ konsulent għal Cannavaro.