Lokali

Heritage Malta se tibda tħares u tippreserva l-wirt ta’ taħt il-baħar

Wara li fl-aħħar snin Heritage Malta biddlet diversi mużewijiet u siti ta’ patrimonju nazzjonali f’siti tal-aqwa kwalità u bl-aqwa faċiltiajiet għall-pubbliku, issa l-istess aġenzija xeħtet għajnejha fuq is-siti ta’ taħt il-baħar.

Dan hekk kif fi ħdan Heritage Malta issa twaqqfet l-Underwater Cultural Heritage Unit li għandha l-iskop li tistudja, tippreserva u tagħmel iktar aċċessibbli s-siti ta’ importanza arkeoloġika u storika taħt il-baħar.

L-Underwater Cultural Heritage se jkollha l-għan li dawn is-siti jsiru iktar aċċessibbli anke għal min ma jafx jgħodos, fost oħrajn b’filmati u wkoll mudelli identiċi 3D biex ikunu jistgħu jiġu esplorati.

Din il-Unit ġdida, li twaqqfet b’vot fil-Parlament li għadda b’mod unanimu,  bl-appoġġ tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, se titmexxa’ mill-Professur Timmy Gambin.

Il-Professur Gambin, li jgħallem l-arkeoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta, jitkellem magħna b’passjoni dwar din l-avventura ġdida.

Gambin hu wieħed minn tim ta’ esperti li ilhom snin jirriċerkaw x’għandna fil-qiegħ tal-baħar, fost oħrajn sit ta’ bastiment ta’ żmien il-Feniċi li jinsab f’fond ta’ 110 metri.

Heritage Malta kienet twaqqfet fl-2002 bħala aġenzija nazzjonali bl-iskop li tieħu ħsieb il-mużewijiet, konservazzjoni u l-wirt kulturali lokali.