Il-Bank of Valletta għadu sa llum-il ġurnata fil-mira ta’ hackers li baqgħu jippruvaw jisirqu l-flus mingħandu, iżda s-sistemi li hemm fis-seħħ u miżuri ġodda li ttieħdu mill-bank irreżistew dawn l-attakki.
Dan tħabbar mit-tmexxija tal-bank fl-isfond tal-attakk tat-13 ta’ Frar li għadda meta l-bank insterqulu kważi €13-il miljun.
Minn dawn, il-bank irkupra €5.6 miljun, waqt li €4.4 miljun oħra ġew iffriżati u għaddej il-proċess biex ikunu ritornati. Għad fadal €2.9 miljun li għaddejja ħidma biex jinġiebu lura.
Il-bank skopra li l-attakk seħħ meta impjegat tiegħu fetaħ email malizzjuż li evada s-sistemi ta’ filtering u l-istess impjegat naqas milli jirrapporta dan, bil-konsegwenza li ta aċċess lil dawk li serqu l-flus.
Sadattant il-bank ħabbar ukoll li qed jittieħdu miżuri biex jiġu rkuprati fl-flus kollha possibbli, anke billi jidħol f’azzjonijiet ġudizzjarji. Madankollu dan mistenni jġib spejjeż li se jħallu impatt fuq is-sena finanzjarja attwali.
Dan filwaqt li se jitwaqqaf Kumitat ġdid immexxi minn direttur mhux eżekuttiv biex janalizza l-ekosistemà diġitali tal-bank u ġew ingaġġati fost l-aqwa esperti barranin biex jiżguraw li ma jseħħux attakki oħra u jitneħħa kull periklu mis-sistemà. Il-Bord tad-Diretturi wkoll se jiżdied, minn 11-il membru għal 13, biex jiġu co-opted żewġ diretturi mhux eżekuttivi li jieħdu ħsieb l-immaniġġjar tar-riskju, compliance kif ukoll miżuri kontra l-ħasil tal-flus.
Minkejja l-ispejjeż involuti, il-klijenti tal-Bank of Valletta mhux se jħossu l-impatt, anke għaliex il-flus mhux irkuprati u l-ispejjeż relatati se jitnaqqsu mill-profitti futuri.
//= $special ?>