Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jimpurtah minn Għawdex u mill-Għawdxin

Kunsill Lokali mmexxi mill-Partit Nazzjonalista iwiegħed li jkun kunsill li jassigura li jkompli jħares is-sigurtà tal-Għawdxin kif ukoll jibni komunità ħajja u vibbranti li tmexxi ‘l quddiem it-talent lokali.

Sosnta dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara f’Għawdex fil-lokalitjiet ta’ Għajnsielem u l-Qala fejn kellu l-okkażjoni jiltaqa’ mar-residenti kif ukoll ma’ sidien ta’ stabbilimenti kummerċjali.

Huwa kien akkumpanjat minn kunsilliera, deputati kif ukoll diversi kandidati għall-elezzjonijet li se jsiru f’Mejju, kemm dik tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsilli Lokali.

Adrian Delia sostna li l-lokalita ta’Għajnsielem hija l-ewwel waħda li wieħed isib meta jasal fil-Gżira Għawdxija. Dan joffri vantaġġi kif ukoll żvantaġġi. Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista ilu ħafna jitħabat sabiex Triq l-Imġarr, it-triq prinċipali ta’ din il-lokalità tkun iktar sigura kemm għas-sewwieqa kif ukoll għar-residenti u l-vetturi tagħhom.

Matul is-sena jseħħu numru ta’ inċidenti f’din it-triq, b’uħud minnhom gravi. Minkejja d-diversi talbiet lill-Gvern sabiex jittieħdu passi ħalli Triq l-Imġarr issir waħda sigura, dan kollu waqa’ fuq widnejn torox.

Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista f’Għajnsielem iwiegħed li jkompli jaħdem sabiex tiżdied is-sigurtà f’din il-lokalità biex b’hekk ir-residenti jgħixu b’moħħhom mistrieħ.

Il-Kap tal-PN srqarr li l-komunità ta’ Għajnsielem, bl-għajnuna ta’ numru kbir ta voluntiera kif ukoll il-Kunsill Lokali rnexxielhom li mix-xejn joħolqu l-proġett ta’ Betlehem f’Għajnsielem li sar marbut ħaġa waħda ma’ din il-lokalità. Eżempju ċar ta’ kif mix-xejn inħolqot xi ħaġa li kompliet sebbħet u għolliet l-isem ta’ din il-lokalità.

Dan huwa l-mod ta’ kif Kunsill Lokali għandu joħloq l-ideat u jwettaqhom. Il-ħsieb li jmiss huwa li din iz-zona tinbidel f’park għall-familja fejn ikunu jistgħu jirrikrejaw ruħhom. Il-Kunsill Lokali qed jaħdem qatigħ sabiex il-permessi neċessarji biex dan il-proġett ikun jista’ jibda mill-iktar fiss.

Lokalità oħra li żar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kienet dik tal-Qala. Il-poplu tal-Qala kellu l-opportunià li jkun immexxi kemm minn Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista kif ukoll b’maġġoranza Laburista.

Wieħed mal-ewwel jista’ jinnota d-differenza fl-investiment li sar mill-Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista. Huwa biss Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista li jista’ jgħin lil-lokalità tal-Qala terġa’ tikseb is-sbuħija u dinjità tagħha. Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalsita fuq din il-lokalita qed iħejju programm għall-ħames snin li ġejjin li jikkonsisti f’inizjattivi infrastrutturali bħal refurbishment tal-bandli tal-lokal fi żmien immedjat. Iktar kollaborazzjoni mal-għaqdiet tal-lokal, ħarsien mit-traffiku bla bżonn spċjalment ta’ inġenji kbar li jgħaddu mill-Qala, resurficing tat-toroq kif ukoll il-problema tal-għargħar.

Il-wegħda tal-Partit Nazzjonalista hi li jkunu assigurati li Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista se jagħmel id-differenza għall-aħjar f’din il-lokalità. Dan b’impenn biex anke dan ir-raħal ikompli jisbieħ sabiex ikun jista’ jitgawda mir-residenti kif ukoll minn dawk li jiġu jżuruh.