Il-Bank of Valletta rreġistra profitt qabel it-taxxa ta’ €146.2 miljun, li jfisser żieda ta’ 5.8% fuq is-sena preċedenti, għalkemm €75 miljun minnhom mhux se jitniżżlu bħala profitti iżda nżammu bħala riserva mill-bank.
Dan hekk kif dawn il-flus ġew irreġistrati bħala proviżjoni ta’ litigazzjoni, jew fi kliem iktar sempliċi riserva tal-bank għallijista’ jinqala’.
Fil-passat riċenti, il-Bank of Valletta fost oħrajn spiċċa jaffaċċja l-imblukkar ta’ €363 miljun minn Qorti Taljana dwar każ li għadu għaddej kawża ta’ skema frawdolenti mmexxija mill-grupp Deiulemar.
Il-Bank of Valletta ddeċieda li ma jqassamx dividends lix-shareholders tiegħu, għalkemm biex jikkumpensa se jkun qed iqassam sehem għal kull għaxra bħala bonus.
Dan qed isir fl-isfond ta’ każi li għaddejjin fil-Qorti, inkluż dak fl-Italja u li ġabu inċertezza, kif ukoll biex il-bank jinvesti l-profitti tiegħu fil-kumpanija.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw dettalji dwar ir-riżultati finanzjarji għall-2018, biċ-Chairman tal-Bank of Valletta Deo Scerri jiddikjara li l-ħlas tad-dividends se jerġa’ jibda jsir ladarba jkun prudenti.
Fost il-fatturi ewlenin li wasslu għaż-żieda fil-profitti kien hemm żieda b’mod partikolari fuq is-self għall-proprjetà kif ukoll minn negozji kbar, żgħar u medji. Iż-żieda fis-self fuq il-proprjetà kienet ta’ 6.3% waqt li kien hemm żieda ta’ 4.5% fis-self personali.
Il-Bank of Valletta ddikjara li l-miri tiegħu huma iktar negozju ma’ kumpaniji f’oqsma bħall-Fintech, żieda fl-effiċjenza u l-aċċessibbiltà, it-tisħiħ u tkompli ta’ programm biex jitnaqqsu r-riskji kif ukoll ħidma kontinwa kontra reati finanzjarji.
//= $special ?>