Lokali

“Irridu settur tal-biedja b’saħħtu għaliex nemmnu li l-bdiewa u r-raħħala huma essenzjali” – Adrian Delia

“Irridu li pajjiżna jkollu settur tal-biedja b’saħħtu għaliex nemmnu li l-bdiewa u r-raħħala huma essenzjali għal għajxien u ambjent aħjar”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika bit-tema Flimkien għal Pajjiżna fl-Imġarr.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jinteressah mis-setturi tal-biedja u t-trobbija tal-annimali u qed ikun vuċi soda għall-bdiewa u r-raħħala, mhux bħall-Gvern li fil-budget għamilha ċara li għalih ma jikkontribwixxux lejn l-ekonomija. Huwa qal li wara l-maltempata kbira li ħalliet ħsara estensivi fuq il-propjetà, r-raba u l-istrutturi agrikoli, l-PN permezz tal-Kelliema, l-MEPs u l-Kandidati għamel pressjoni kbira fuq il-Gvern biex issir analiżi tal-ħsara u bħala pajjiż napplikaw għall-Fond tas-Solidarjetà Ewropea. Saret pressjoni biex tinħoloq polza tal-assikurazzjoni li jkun parteċipi fiha l-Gvern skont kif tippermetti l-Unjoni Ewropea stess, biex il-bdiewa Maltin u Għawdxin ikunu protetti mir-riskji u jkunu jistgħu jinvestu fit-tul.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonlista qal l-Gvern Laburista ma jitkellimx fuq is-settur tal-biedja, meta n-numri mill-istatistika huma inkwetanti u l-affarijiet mhumiex sejrin ‘il quddiem. L-istatistika turi kif is-sena li għaddiet id-dħul għall-bdiewa naqas b’9%, l-importazzjoni żdiedet filwaqt li l-bejgħ tal-prodott lokali f’Malta naqas b’20% u b’35% f’Għawdex. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikun il-vuċi tal-bdiewa u r-raħħala u ressaq proposti konkreti għat-tisħiħ tal-prodott lokali u biex tissaħħaħ il-ħidma tal-għaqdiet permezz ta’ għodod Ewropej li jistgħu jgħinuhom jikkompetu.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ressaq ukoll proposti biex jiġi emendat avviż legali għat-trasferiment ta’ qbiela. Dan kien se joħloq diffikultajiet biex qbiela jiġu trasferiti minn ġenerazzjoni għall-oħra, għaliex il-Gvern se jkun qed jinċentiva l-ispekulazzjoni tal-art meta bir-regolamenti ġodda se jieħu lura f’idejh ir-raba u jagħtiha lil min irid hu. Il-PN ressaq dawn l-emendi biex jiġi żgurat li l-art tibqa’ tinħadem għall-iskop agrikolu biss u fl-aħjar interess ta’ min jaħdem ir-raba u l-ħarsien tal-ambjent.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-PN jinteressah mill-agrikoltura u se jagħti prijorità lil dan is-settur biex ma nibqgħux nitilfu aktar bdiewa. Għalhekk mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qiegħed iressaq proposti konkreti għall-bdiewa, r-raħħala u l-qbiela.