Għalkemm is-sena li għaddiet tista’ titqies bħal waħda pożittiva fis-settur turistiku…l-affarijiet jistgħu jkunu differenti għal din is-sena li ninsabu fiha.
Waqt konferenza fejn ġie preżentat ir-rapport dwar ir-riżultati fil-qasam turistiku f’pajjiżna, il-President tal-MHRA Tony Zahra kkummenta dwar ir-riżultati tal-2018. Iżda b’ħarstu lejn il-futur Zahra rrimarka li huwa tajjeb li wieħed ikun ottimisti, imma jrid ikun ukoll realistiku.
Is-suċċess tas-sena li għaddiet seta’ seħħ parzjalment għall-fatt li xi pajjiżi kompetituri ta’ Malta kienu qed jiffaċċjaw kwistjonijiet ta’ sigurta’. Dan għalhekk wassal biex klijenti spiċċaw ifittxu alternattivi.
Dan ma jidhirx li se jkun il-każ għal din is-sena u għalhekk wieħed għandu joqgħod attent għal kompetizzjoni minn dawn il-pajjiżi speċjalment fuq il-livell tal-prezzijiet fejn bħala pajjiż se nikkompetu ma’ prezzijiet irħas.
Minn dawn ir-riżultati joħroġ ċar li ħafna mit-turisti li qed jiġu Malta qed jagħżlu li joqogħdu f’’residenzi privati. Konsegwenza ta’ dan kien hemm tnaqqis f’turisti li għażlu li joqogħdu f’lukandi ta’ tliet stilel.
Tony Zahra żied jgħid li l-fatt li wieħed ikun minn ta’ quddiem f’dinja komptetittiva mhix xi ħaġa faċli, u bħal f’logħba football, li tirbaħ l-aħħar logħba ftit jiswa jekk ma tintrbaħx ukoll l-logħba li jmiss. Dan il-qasam huwa bħal logħba li ma tintemm qatt u għalhekk wieħed irid jibqa’ ffukat fuq il-ġejjieni.
//= $special ?>