Lokali

Jinqabad b’madwar 15-il kilo kannabis

Raġel ta’ 45 sena ġie arrestat wara li nsab bi ftit inqas minn 15-il kilo kannabis maħsubha li kienet lesta għall-bejgħ.

Ir-raġel li hu mill-Belt Valletta u residenti Ħaż-Żebbuġ kien qed isuq meta ġie mwaqqaf mill-Iskwadra ta’ kontra l-Vizzju tad-Droga u saritlu tfittxija. Il-15-il kilo tal-pjanta kannabis instabet fil-vettura tiegħu, filwaqt li iktar droga nstabet fir-residenza tiegħu.

Fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ instabu 300 gramma ta’ raża tal-kannabis, 80 gramma kokaina u aktar kannabis.

Bil-każ inħatret il-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta Maġisterjali.

Ir-raġel mistenni li jitressaq taħt arrest is-Sibt quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit akkużat bil-pussess mhux għall-użu personali tal-istess mediċina perikoluża.