Il-Malta Football Association nediet it-tieni proġett biex tgħin fl-inklużjoni tar-refuġjati bl-isem “All In – All for Football.” Din l-inizjattiva li taqa’ taħt ir-responsabbiltà soċjali tal-MFA, hi tkomplija tal-proġett li kien sar is-sena l-oħra, ra l-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 300 persuna, 12-il klabb u numru ta’ għaqdiet mhux governattivi.
Dan il-proġett se jara l-klabbs tal-futbol, għaqdiet mhux governattivi u aġenziji fosthom AWAS, Appoġġ, LEAP u oħrajn se jingħaqdu biex joffru sessjonijiet li fihom ikunu nklużi attivitajiet marbuta mal-futbol. Dan biex ikunu integrati refuġjati, Malin u nies vulnerabbli ta’ kull età. Il-proġett li għandu s-sapport tal-UEFA, hu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Peter Busuttil li qed jikkordina l-proġett f’isem id-Dipartiment tar-Responsabbiltà Soċjali tal-MFA qal li b’dan il-proġett, l-MFA qed tilħaq aktar nies li jridu jipparteċipaw fil-futbol. “Il-parteċipanti jistgħu jieħdu parti f’sessjonijiet tal-futbol iżda wkoll f’attivitajiet li jinkludu l-litteriżmu, in-nutrizzjoni, stil ta’ ħajja b’saħħitha, l-ewwel għajnuna u sessjonijiet kulturali.”
Il-komunità tal-futbol Maltija se tipprovdi l-postijiet, il-kowċis, l-apparat u l-opportunità li l-parteċipanti jingħaqdu ma’ komunità ta’ klabb. Għal aktar informazzjoni dwar il-Proġetti tal-Football Social Responsibility, jista’ jsir kuntatt b’email fuq peter.busuttil@mfa.com.mt.
//= $special ?>