Futbol Sport

Machin iħallas il-prezz tal-eliminazzjoni ta’ Sevilla mill-Europa League

(Ritratt: EPA)

Pablo Machin tkeċċa minn kowċ ta’ Sevilla, ġurnata wara li kienu eliminati b’mod drammatiku mill-UEFA Europa League minn Slavia Praga. Il-ħames darbiet rebbieħa tal-kompetizzjoni tilfu 4-3, bil-gowl ta’ Ibrahim Traore fil-119-il minuta jkun deċiżiv hekk kif it-tim Ċek ikkwalifika b’aggregate ta’ 6-5.

Machin li għandu 43 sena, kien ħa t-tmexxija tat-tim f’Mejju li għadda wara esperjenza ma’ Girona. Id-deċiżjoni li tintemm l-esperjenza tiegħu wara 10 xhur jidher li ttiħdet minħabba serje ta’ riżultati negattivi fl-aħħar ġimgħat.

Sevilla bħalissa jinsabu fis-sitt post f’La Liga u ħames punti bogħod minn post fiċ-Champions League staġun ieħor. Jidher biċ-ċar li l-klabb għadu ma sabx saqajh minn meta Unai Emery ħalla l-klabb f’Ġunju tal-2016, hekk kif minn dakinhar huma kellhom erba’ kowċis.

Id-Direttur tal-Futbol Joaquin Caparros se jieħu t-tmexxija tat-tim, f’sitwazzjoni simili għal dak li għamel l-istaġun li għadda meta mexxa lit-tim għal xahar wara t-tkeċċija ta’ Vincenzo Montella.

Tags