Tal-anqas 50 persuna nqatlu, b’talanqas 20 jisfaw midruba, waqt attakki (sparaturi) terroristiċi fuq żewġ moskej fil-belt ta’ Christchurch. L-inċidenti ħallew pajjiż sħiħ paralizzat u l-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern qalet li ‘dan kien wieħed mill-aktar ġranet suwed fl-istorja tal-Istat’.
Waqt li n-numru ta’ persuni involuti fl-attakki ma kienx immedjatament ċar, il-pulizija arrestat raġel li akkużatu b’omiċidju tal-massa. Ir-raġel mistenni jitressaq il-qorti llum, bil-pulizija tiżvela li kienet qed iżżomm ‘tliet persuni oħra’ biex jgħinu fl-istħarriġ. Aktar tard, inħelset ‘persuna fost l-arrestati’ u – waqt li ma ngħatawx ismijiet — ingħad li kienet għaddejja investigazzjoni dwar ir-rwol potenzjali tal-oħrajn fid-dmija.
Kien anki kkonfermat li l-pulizija kkonfiskaw ‘numru ta’ armi tan-nar’ minbarra li sabu diversi tipi ta’ tagħmir splussiv fil-karozza ta’ wieħed mis-suspettati.
L-attakk terroristiku – f’ħin meta ħafna Musulmani kienu fil-moskej għat-talb ta’ nhar il-Ġimgħa – hu l-aktar wieħed qattiel fuq ‘bażi razzista’ fl-istorja ta’ New Zealand.
Fattur ieħor ferm xokkanti kien il-filmat (bil-live-stream) li aggressur involut fl-attakk irnexxielu jiġbed b’kamera għal 17-il minuta u fejn hu deher jispara kif ġie ġie –f’waqtiet differenti — lejn l-irġiel, in-nisa u t-tfal fil-moskea ta’ Al-Noor.
Dan il-qattiel, permezz tal-filmat, identifika ruħu bħala Awstraljan ta’ 28 sena bl-isem Brenton Tarrant u l-pulizija, wara, appellat biex il-filmat jitneħħa mill-mezzi tal-media soċjali. Filwaqt li Tarrant hu s-suspettat ewlieni għall-attakki fi Christchurch il-pulizija ma identifikawx lir-raġel li qegħdin jakkużaw speċifikament dwar ir-reat.
Rapporti oħra qalu li s-suspettat li se jitressaq il-qorti b’konnessjoni mal-attakk kien ippubblika minn qabel manifest li fih spjega l-intenzjonijiet qattiela tiegħu. Ir-raġel fisser lilu nnifsu bħala ċittadin Awstraljan ta’ 28 sena waqt li għamilha ċara li huwa estremista tal-lemin b’ideoloġija kontra l-immigranti. Jidher li dan ir-raġel ma kienx magħruf mas-servizzi tas-sigurtà tal-Awstralja u New Zealand.
Il-pulizija, illum, anki evakwaw moskea oħra fis-sobborg ta’ Linwood, iżda d-dettalji minn dan is-sit kienu xi ftit konfużi. Intant, ingħad li l-aggressur li ġibed il-filmat tal-ewwel sparatura fil-moskea ‘wara’ spiċċa jsuq lejn Linwood fejn twettaq it-tieni attakk terroristiku. Dan waqt li l-awtoritajiet wissew biex il-moskej kollha fi Christchurch jagħlqu l-bibien sakemm kellhom jaċċertaw mis-sigurtà fl-inħawi.
Għalkemm is-sekwenza tal-azzjonijiet fl-inċident terroristiku ma kenux daqstant ċari, il-Kummissarju tal-Pulizija tkellem dwar diversi mejtin f’żewġ lokalitajiet fi Christchurch. Dan meta l-ogħla awtoritajiet tal-pulizija ħarġu bullettin dwar l-element għoli ta’ sogru fi Christchurch li baqa’ effettiv matul il-jum.
Fil-minuti ta’ wara l-attakki, numru ta’ midruba ttieħdu b’urġenza lejn l-Isptar ta’ Christchurch fejn kien hemm preżenza qawwija ta’ pulizija.
Filwaqt li tneħħiet sitwazzjoni ta’ lockdown fuq l-iskejjel kollha fi Christchurch, l-ogħla awtoritajiet tal-pulizija ħarġu bullettin dwar ‘l-element ta’ sogru reali fi bnadi tal-belt partikulari’ li baqa’ effettiv għal sigħat.
Ir-reazzjoni ta’ niket u xokk minn madwar id-dinja kienet immedjata, bil-Papa Franġisku joffri messaġġ ta’ solidarjetà lill-poplu fi New Zealand minbarra li esprima niket profond għall-azzjonijiet qattiela bla sens f’dak il-pajjiż.
Messaġġi ta’ kundanna għall-attakki u ta’ solidarjetà ma’ New Zealand ingħataw ukoll mis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres; il-President Amerikan, Donald Trump; il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May; il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel u l-President Franċiż, Emmanuel Macron.
L-attakki fi New Zealand anki rriżultaw f’żdieda estensiva tas-sigurtà madwar il-kumplessi tal-moskej f’numru ta’ pajjiżi madwar id-dinja.
//= $special ?>