Minn tfal sa żgħażagħ, imma wkoll politiċi u edukaturi l-Ġimgħa wara nofsinhar ipprotestaw kontra l-inazzjoni tal-awtoritajiet fil-konfont tal-bidla fil-kliema.
Dan billi mxew mill-Università ta’ Malta sal-Belt Valletta f’attività organizzata mill-Kunsill Studenti Universitarji. Huma appelaw biex il-Gvernijiet madwar id-dinja ma jibqgħux jgħarrqu l-ambjent li qed jgħixu fih u li fil-futur iridu jgħixu fih u jgħajjxu lil uliedhom.
B’din l-attività, it-tfal u żgħażagħ Maltin ingħaqdu ma’ 92 pajjiż ieħor fejn saru mixjiet simili bħala parti minn moviment, li sar globali, u li beda minn studenta ta’ 16-il sena bl-isem ta’ Greta Thunberg.
It-tifla Żvediża bdiet waħidha, billi ma marritx l-iskola biex minflok bdiet protesta quddiem il-Parlament Żvediż, iżda sa llum-il ġurnata rnexxielha tiġbor wara l-kampanja tagħha lil għexieren ta’ eluf ta’ tfal u żgħażagħ minn madwar id-dinja.
Pajjiżna sfortunatament jinsab mal-aħħar ħames pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn kien irreġistrat progress fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.
Dan filwaqt li rapport ieħor ippubblikat fl-aħħar jiem mill-European Heart Journal wera kif l-imwiet kawża tal-kwalità ħażina fl-arja hu d-doppju ta’ dak li kien maħsub qabel u issa jlaħħaq il-576 vittma fis-sena.
Ritratt: Kunsill Studenti Universitarji
//= $special ?>