Ekonomija Lokali

Ikompli jiżdied l-‘għoli tal-ħajja’

Ċifri maħruġa għax-xahar ta’ Frar juru li kompla jiżdied l-għoli tal-ħajja. Fil-fatt, id-data tal-NSO turi li l-inflazzjoni issa telgħet għar-rata ta’ 1.7 fil-mija.

L-akbar fattur li qed jikkontribwixxi biex tiżdied l-għoli tal-ħajja huma l-prezzijiet tal-ikel u x-xorb.

Ħarsa lejn l-istatistika turi b’mod ċar illi fl-aħħar sentejn kellna dejjem żidiet fl-għoli tal-ħajja u fil-prezzijiet ta’ affarijiet bażiċi. L-akbar daqqa iżda, inħasset fis-Sajf li għadda.

Iċ-ċifri għal Frar jindikaw ukoll illi anke l-prezzijiet relatati ma’ kura medika, it-trasport u l-ispejjes tad-dar komplew jitilgħu ‘l fuq.

Din it-tema qed tirrifletti ruħha wkoll fil-laqgħat li qed ikollu l-Kap tal-PN Adrian Delia fid-diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fejn diversi residenti qed jilmentaw fuq id-daqqa tal-għoli tal-ħajja, filwaqt li sidien ta’ negozju qed jesperjenzaw perijodu kajman immens f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xiri.