Ambjent Lokali

Residenti u għaqdiet jiftħu aktar kawżi l-Qorti kontra l-proġett fuq is-sit tal-ITS


Residenti, numru ta’ għaqdiet u tlett Kunsilli Lokali fetħu żewġ kawżi l-Qorti dwar il-proġett fuq is-sit tal-ITS. L-għaqdiet involuti ġabru s-somma ta’ aktar minn €26,000 biex ikun jistgħu jiftħu dawn il-kawżi.

Huma qed jappelaw fil-Qorti kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Ippjanar dwar dan il-proġett li kien ċaħad numru ta’ argumenti li skonthom huma kruċjali għas-saħħa u l-benesseri tal-komunità u l-kapaċità tal-infrastruttura biex tiflaħ għal żvilupp intensiv ta’ din ix-xorta.

Ir-residenti, l-għaqdiet u l-Kunsilli Lokali qed jappellaw għal riżoluzzjoni trasparenti u sostenibbli dwar numru ta’ punti legali li għadhom mhux solvuti.

Il-komunitajiet u l-għaqdiet involuti qalu li huma mpenjati li jkomplu jiġġieldu kontra dan il-proġett eċċessiv u insostenibbli sakemm ikun jeħtieġ. u stqarrew li din l-attitudni ta’ ‘L-ewwel ibni u mbagħad niffaċċjaw il-konsegwenzi wara’ trid tieqaf”.

Dwar dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista kien talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga t-trasferiment ta’ din l-art qabel ma l-proġett ġie ppreżentat quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-kawża infteħet mill-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u Swieqi flimkien ma’ Moviment Graffitti, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa u Friends of the Earth Malta u disa’ residenti tal-lokal.