Futbol Sport

Burnley jitilfu f’darhom minkejja l-vantaġġ numeriku

(Ritratt: Premier League)

Burnley jinsabu f’baħar ta’ inkwiet wara li tilfu 2-1 f’darhom kontra Leicester, bil-gowl tar-rebħa għall-Foxes jasal fl-aħħar ħinijiet minkejja li dawn kienu ilhom jilagħbu b’għaxar plejers mill-bidu tal-logħba.

Leicester City kellhom il-logħba għat-telgħa f’Turf Moor meta wara biss erba’ minuti, tkeċċa Harry Maguire wara li waqqa’ lil Johann Berg Gudmundsson meta dan kien qed javvanza waħdu quddiem il-gowlkiper.

Iżda minkejja l-iżvantaġġ kienu l-Foxes li kisbu l-vantaġġ bi free-kick ta’ Maddison fit-33 minuta madankollu l-Clarets wieġbu ħames minuti wara minn Dwight McNeil.

Fit-tieni taqsima, Burnley fetħu assedju fuq il-lasta ta’ Leicester iżda fl-aħħar ħinijiet kellu jkun is-sostitut Wes Morgan li kontra x-xejra tal-logħob skorja l-gowl tar-rebħa bir-ras fuq il-kross ta’ Tielemans.

Il-midfielder ta’ Newcastle Matt Ritchie sab ix-xibka kontra Bournemouth bl-aħħar xutt tal-logħba għal draw, 2-2 li kien mistħoqq fiċ-ċirkostanzi.

Kienu fil-fatt il-Geordies li marru fil-vantaġġ fil-Vitality Stadium meta Rondon xeħet ġewwa fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima iżda wara l-mistrieħ, Bournemouth qalbu r-riżultat b’żewġ gowls ta’ Joshua King – l-ewwel wieħed minn penalty. Intant, l-aħħar kelma f’din il-logħba kienet ta’Ritchie li fl-94 minuta għeleb lil Boruc b’volley spettakolari.

West Ham United ipproduċew waħda mill-aqwa rimonti tal-istaġun għall-ispejjeż ta’ Huddersfield li baqgħu ankrati fil-qiegħ tal-Premier League b’14-il punt minn 31 logħba. It-Terriers kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 3-1.

Fl-ewwel taqsima, West Ham kienu marru fil-vantaġġ bil-penalty ta’ Mark Noble (15) iżda Huddersfield wieġbu b’żewġ gowls ta’ Bacuna (17) u Grant (30) għal vantaġġ sorpriża sal-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima, il-vantaġġ għal Huddersfield kompla jikber meta Grant (65) sab ir-rokna tax-xibka bi ġmiel ta’ xutt, iżda fl-aħħar kwarta West Ham ġabu fix-xejn lid-difiża avversarja b’gowl ta’ Ogbonna (76) u tnejn oħra mis-sostitut ‘Chicarito’ Hernandez (84, 91) jitfgħu lill-partitarji fil-London Stadium f’dellirju ta’ ferħ.