Tal-inqas 90 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li għexieren oħra huma nieqsa wara li ċ-Ċiklun Idai qed jifleġġ il-kosta fil-lvant Afrikan.
L-irwiefen qawwija, li qed ilaħqu mal-177 kilometru fis-siegħa, kienu ta’ sfida kbira għall-membri ta’ salvataġġ hekk kif numru ta’ nies abbandunaw djarhom u reħewlha lejn il-muntanji bil-għan li jiġu salvati.
L-għargħar qawwija fnew il-pajjiż tal-Możambik – filwaqt li l-Awtoritajiet taz-Zimbabwe spjegaw li l-villaġġ ta’ Chimanimani spiċċa maqtugħ mill-bqija tal-pajjiż kawża tal-qawwa tal-maltemp. Dan filwaqt li l-armata tniżżlet fit-toroq sabiex tingħata l-ewwel għajnuna.
Filwaqt li l-vittmi mistennija jiżdiedu, kelliem għall-Awtoritajiet spjega li dawn iż-żewġ pajjiżi spiċċaw fi kriżi umanitarja serja. Mal-500,000 persuna spiċċaw bla provvista tal-elettriku – filwaqt li l-portijiet u l-ajruporti jinsabu magħluqa.


