Futbol Sport

Ferreira jispikka fir-rimonta ta’ Mqabba

SANTA LUCIA …..…… 2 MQABBA ……………… 3

Santa Lucia: D. Carabott, J. Busuttil, M. Caruana, J. Usuga Mendoza, K. Vella, P. Teixeira Maia, K. Ante Rosero (A. Chetcuti 62’), K. Pulo (J. Suda 46’), N. Micallef (N. Borg 46’), L. Galea, K. Camilleri

Mqabba: F. Tabone, L. Farrugia (D. Briffa 57’), R. Da Silva Gomes, D. Micallef, G. Micallef, A. Ferreira, B. Grech, W. Borg, D. Azzopardi, C. Cutajar, N. Micallef

Referee: Mario Apap

B’rimonta mill-isbaħ fit-tieni taqsima Mqabba dawru telfa f’rebħa u għelbu lil Santa Lucia 3-2 bil-gowl tar-rebħa li kien kapolavur ta’ Ferreira jasal fit-93 minuta, prattikament bl-aħħar xutt tal-logħba.

Wara żewġ minuti u nofs Santa Lucia marru minn fuq meta minn throw-in ta’ Keith Vella, id-difiża ta’ Mqabba waqfet għal kollox u KEVIN ANTE ROSERO daħal tajjeb u mill-viċin kompla għal ġewwa. Dan il-gowl ħasad lil Mqabba li damu ftit ma stejqru u Santa Lucia gawdew minn supremazija sterili.

L-ewwel tentattiv ta’ Mqabba wasal fis-27 minuta bix-xutt ċentrali ta’ Gianfranco Micallef salvat mingħajr tbatija minn Carabott. Fil-41 minuta kien wieħed mill-aħjar fil-grawnd Usuga Mendoza li kellu kross li għal ftit ma qarraqx bil-gowlkiper Tabone.

Minuta mill-intervall Tabone tajjar il-ballun ħażin u daħal Manuel Caruana li mid-distanza ra x-xutt jgħaddi ftit barra.

Tmien minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima azzjoni tajba ta’ Santa Lucia fuq ix-xellug ta’ Suda u pass lejn Teixeira Maia li kellu x-xutt salvat minn Tabone. Mas-siegħa logħob azzjoni kontroversjali f’tarf il-kaxxa fejn kien hemm kuntatt bejn Ferreira u l-gowlkiper ta’ Santa Lucia Carabott, b’dan tal-aħħar jitkeċċa mir-referee.

Tliet minuti wara Mqabba approfittaw mis-superjorità numerika meta minn azzjoni ta’ korner kien ALEXSANDRO FERREIRA li bir-ras xeħet fix-xibka. Kwarta mit-tmiem l-istess Ferreira seraq ballun tajjeb iżda xxuttja għoli.

Fit-78 minuta Mqabba marru fil-vantaġġ b’azzjoni mill-isbaħ mibdija minn Ferreira li qassam lejn Cutajar li kompla għan-nofs lejn GIANFRANCO MICALLEF li mill-viċin xeħet fix-xibka. Santa Lucia xeħtu kollox fl-attakk u fil-85 minuta kien hemm kuntatt dubjuż fil-kaxxa bejn Cutajar u Mendoza, bir-referee jordna l-penalty li minnu TEIXEIRA MAIA skorja b’xutt fil-baxx.

Madankollu fil-ħin miżjud ALEXSANDRO FERREIRA skorja l-gowl rebbieħ b’azzjoni personali u xutt bid-dawra għal gowl mill-isbaħ.

Swieqi jirbħu logħba mingħajr storja

MARSA ……………….. 0 SWIEQI U. …………… 5

Marsa: K. Brincat, S. Zampa, L. Camilleri, J. Bonello, J. Lovegrove, J. Theuma (S. Briffa 63’), R. Gatt De Raffaele (K. Vella 78’), O. Cristiani, H. Kawamura, A. Watanabe (I. Anyoso 78’), R. Gafa

Swieqi: J.C. Debattista, J.L. Cassar, K. Muscat (G. Bugeja 71’), K. Sultana, K. Ekezie, I. Margarit (N. Schembri 54’), L. Covic, K. Olowoyo (M. Laferla 54’), S. Grech, S. Bugeja, L. Scicluna

Referee: Andrea Sciriha

Bl-iktar mod faċli Swieqi rritornaw għar-rebħ kontra t-tim tal-qiegħ Marsa li b’din it-telfa sofrew it-tnax-il telfa konsekuttiva. Il-logħba kienet mingħajr storja bit-tim ta’ Swieqi kważi l-ħin kollu fuq l-avversarji, fejn ir-rebħa tagħhom setgħet kienet ikbar ukoll.

Swieqi mill-ewwel bdew jiddettaw il-logħob u wara disa’ minuti resqu qrib b’xutt minn qagħda tajba ta’ Ekezie jkun salvat minn Brincat. Fis-16-il minuta intervent brillanti ta’ Brincat fuq xutt bomba ta’ Luke Scicluna.

Kien il-preludju tal-gowl li wasal fis-17-il minuta meta minn korner mogħti minn Grech, kien JACKSON CASSAR li bir-ras fuq it-tieni lasta xeħet fix-xibka. Swieqi komplew jattakkaw bl-għajnuna wkoll mir-riħ li kien qed jonfoħ warajhom f’din it-taqsima.

Fil-41 minuta Swieqi għamluhom tnejn meta minn kross mix-xellug ta’ Sheldon Grech, kien LUKA COVIC li daħal tajjeb u kompla għal ġewwa.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Swieqi skorjaw it-tielet gowl meta Covic mix-xellug qassam lejn KENNETH EKEZIE li bir-ras skorja mill-viċin. Fit-62 minuta ballun deher jaħbat ma’ id Joseph Bonello bir-referee jordna l-penalty u li minnu KRISTIAN SULTANA ma żbaljax.

Erba’ minuti mit-tmiem Swieqi skorjaw ukoll il-ħames wieħed meta Covic għeleb in-nasba tal-offside u qassam lejn NICHOLAS SCHEMBRI li mill-viċin spara fis-saqaf tax-xibka. 

Lija jsalvaw punt fl-aħħar

VITTORIOSA S. ………. 1 LIJA A. ……………………. 1

Lija: L. Bonnici, J. Cassar, L. Muscat, D. Scerri, E. Beu, A. Borg, M. Clinch, A. Galea (A. Azzopardi 59’), C. Gauci, K. Kuroki, O. Sidibe.

Vittoriosa: C. Cassar, I. Abela, D. Pisani (A. Galea 28’)(M. Scicluna 74’), K. Degiorgio, B. Panzo, J. Ogonuppe, A. Cilia Mumford, J. Briffa, J.C. Galea, D. Tabone, L. Gauci (C. Spiteri 83’)

Referee: Alex Johnson

Lija salvaw ir-riżultat fl-aħħar sekondi tal-logħba biex kisbu punt minn dan il-konfront bilanċjat. Il-logħba kienet deċiża b’gowl kmieni u ieħor bl-aħħar xutt tal-logħba biex ġustament iż-żewġ naħat kisbu punt wieħed.

Vittoriosa ma setax kellhom bidu aħjar għax wara biss 90 sekonda huma fetħu l-iskor meta JOSEPH OGONUPPE kkonkluda fix-xibka b’xutt minn qagħda tajba wara kross ta’ Duncan Pisani.

Lija komplew jinsistu u fis-26 minuta xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Erjon Beu għadda ftit barra. Ftit qabel in-nofs siegħa logħob Vittoriosa kienu sfurzati jwettqu sostituzzjoni meta Duncan Pisani weġġa’ u postu ttieħed minn Andreas Galea.

Fit-38 minuta Lija kienu sfortunati li m’għamlux l-iskor indaqs meta kross-shot ta’ Joseph Carl Cassar niżel fuq il-mimduda u l-ballun ġie mbiegħed mid-difiża. Fil-ħin miżjud fi tmiem l-ewwel taqsima, Lija reġgħu resqu viċin meta daqqa ta’ ras ta’ Leon Muscat għaddiet ftit barra wara free-kick ta’ Erjon Beu.

Minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima Lija kien għoddhom għamlu l-iskor indaqs meta free-kick ta’ Erjon Beu għadda ftit barra. Lija komplew jattakkaw u fit-83 minuta kien McAllister Clinch li ttanta xortih b’xutt minn barra l-kaxxa bil-ballun jgħaddi ftit għoli.

Żewġ minuti wara f’attakk ta’ Vittoriosa, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Arsene Cilia Mumford ġie salvat minn Luke Bonnici.  Fl-aħħar ħinijiet tal-partita ż-żewġ timijiet kellhom ċans kull wieħed fejn l-ewwel free-kick ta’ Erjon Beu għal Lija ġie salvat minn Christian Cassar u sekondi wara fuq in-naħa l-oħra xutt minn qagħda tajba ta’ Arsene Cilia Mumford ġie salvat minn Luke Bonnici.

Fil-ħin miżjud, Lija għamlu l-iskor indaqs meta minn korner xutt ta’ Joseph Carl Cassar ġie mxellef bil-ballun spiċċa fix-xibka.