Numru ta’ dimostranti serqu u kissru mill-istabbilimenti fil-Belt Kapitali Franċiża ta’ Pariġi hekk kif ‘Tal Ġagaga s-Safra’ għal darb’oħra ħarġu jipprotestaw fit-toroq hekk kif issa laħqu t-tmintax-il ġimgħa minn mindu bdew il-protesti.
Oriġinarjament il-protesti bdew b’reazzjoni għaż-żieda fil-prezz tal-fjuwil madanakollu issa spiċċat rivolta kontra l-elitiżmu fil-pajjiż.
Numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija għal kontra l-irvellijiet fetħu l-ilma u tefgħu gass tad-dmugħ fuq il-folla – li sal-lum fl-aħħar ġimgħat naqsu fin-numri. B’reazzjoni għal dan, id-dimostranti bdew iwaddbu saħansitra l-ġebel li sabu fit-triq lejn il-pulizija.

Minbarra ż-żieda fil-folla tul il-ġurnata tal-lum reġa’ feġġ il-livell ta’ vjolenza li kkaratterizzat l-irvellijiet tal-bidu. Numru ta’ ħwienet spiċċaw misruqa, filwaqt li diversi vetturi spiċċaw ingħataw in-nar.
Il-Ministru tal-Intern Franċiż Christophe Castaner sostna li kien huwa stess li ta l-ordni lill-uffiċjali sabiex jirrispondu b’mod serju għal dawn l-atti li skontu huma ‘attakki inaċċettabbli’.
Permezz ta’ tweet fuq il-midja soċjali ta’ Twitter, Castaner saħaq li mingħajr ebda dubju, dawn id-dimostranti qed ifittxu biss il-vjolenza bil-għan li jqajmu l-kaos f’Pariġi.

F’Jannar il-Gvern Franċiż kien ordna lill-Pulizija sabiex jiġġieldu l-vjolenza fil-protesti -madanakollu bosta kienu saħqu li l-uffiċjali kienu qed isawtu lill-folla.
Għaldaqstant, il-President Emmanuel Macron kien offra diversi konċessjonijiet lill-poplu wara li l-moviment qajjem furur fosthom €10 biljun sabiex jgħin lill-foqra u lill-pensjonanti, madanakollu dan kollu xorta waħda falla milli jikkalma l-irjus.
Għal dan l-aħħar xahar, Macron żar diversi villaġġi u bliet fil-pajjiż sabiex jisma aktar mill-qrib liċ-ċittadini u jħoss il-polz tal-poplu.



