Futbol Sport

Gudja United isaħħu t-tieni post fl-Ewwel Diviżjoni b’gowl f’kull taqsima

(Ritratt: Joseph Galea)

QRENDI ………………… 0 GUDJA UNITED ……… 2

Qrendi: J. Farrugia, D. Micallef, M. Farrugia, L. Brincat (K. Abela 51’), D. Sammut, M. Barbara, Z. Bowman, D. Zarb, D. Martini, J. Spiteri (B. Bondin 77’), C. Quaranta

Gudja: J. Debono, J. Bondin, M. Attard, A. Mizzi, F. Aboulezz, L.J. Schembri (S. Diacono 79’), J. Farrugia, L. Cremona, D. Santos da Hora, A. Nagbe, R. Kooh Sohna

Referee: Darryl Agius

B’gowl f’kull taqsima Gudja għelbu l-isfida ta’ Qrendi biex saħħew it-tieni post tagħhom fejn issa kabbru l-vantaġġ fuq Santa Lucia li kienu megħluba minn Mqabba iktar kmieni.

Gudja ddominaw għal kollox dan il-konfront u kien jimmeritahom is-suċċess, suċċess li seta’ kien ferm ikbar fl-iskor, iżda Gudja kellhom jistennew sal-aħħar sekondi biex serrħu rashom għal kollox mir-rebħa. 

Sa mit-tisfira inizjali, Gudja ħarġu fuq l-attakk fit-tentattiv li jiftħu l-iskor kmieni fil-partita madankollu minkejja li kellhom iktar mill-pussess tal-ballun naqsu li joħolqu periklu għal-lasta avversarja.

Fil-fatt, kellhom jistennew sas-27 minuta biex jiftħu l-iskor meta DHONATHAN SANTOS DA HORA rċieva passaġġ meta kien fi tliet kwarti ta’ grawnd u wara li avvanza, stenna l-ħarġa tal-gowlkiper Farrugia u kkonkluda fix-xibka.

Qrendi naqsu li jagħmlu reazzjoni, tant li fit-43 minuta Gudja kien għoddhom irduppjaw meta xutt ta’ Dhonatan Santos da Hora għadda ftit barra.  Fl-aħħar mumenti tal-ewwel taqsima Gudja ħolqu azzjoni oħra meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Llywelyn Cremona ġie salvat f’żewġ tentattivi minn Jeffrey Farrugia.

Fit-63 minuta Gudja resqu viċin li jsibu x-xibka meta Dhonatan Santos da Hora rċieva ballun barra l-kaxxa u wara li avvanza xxutja bil-ballun ikun imdawwar għal korner minn Jeffrey Farrugia.  Żewġ minuti wara Gudja ħolqu azzjoni oħra meta daqqa ta’ ras ta’ Raphael Kooh Sohna ġiet salvata mill-gowlkiper ta’ Qrendi.

Gudja komplew jattakkaw fejn għal darba oħra kien Dhonatan Santos da Hora li ttanta xortih iżda x-xutt tiegħu għadda ftit għoli.  Fil-ħin miżjud fi tmiem il-partita Gudja ssiġillaw ir-rebħa bit-tieni gowl meta f’azzjoni ta’ kontrattakk, RAPHAEL KOOH SOHNA avvanza u wiċċ imb wiċċ ma’ Jeffrey Farrugia ma kellu ebda diffikultà jitfa’ l-ballun fix-xibka.