Lokali Unjoni Ewropea

Ġurnalista Torka li tista’ teħel 13-il xahar priġunerija tiltaqa’ ma’ David Casa

Ma nistgħux nibżgħu jew nibqgħu b’fommna sieket. Minflok, għandna naraw li l-politiċi tagħna jkomplu jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u favur il-libertà tal-espressjoni.

Hekk iddikjarat il-ġurnalista Torka Pelin Unker waqt laqgħa organizzata mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa fl-Uffiċċji tal-AŻAD, fil-Belt.

Unker ġiet f’Malta biex tiltaqa’ mal-attivisti tas-soċjetà ċivili, fid-dawl tas-sentenza ta’ priġunerija li għandha fuq rasha u l-appell li għadha qed tistenna. Hi mistennija wkoll tattendi għal velja f’għeluq is-17-il xahar mill-qtil makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Madankollu, iż-żjara tal-ġurnalista Torka ma tantx tidher li niżlet tajjeb mal-Gvern Laburista Malti, li ddeċieda li ma joħroġx viża għall-membri tal-familja tagħha – kemm ir-raġel, kif ukoll it-tarbija tagħha, ta’ sena.

Din il-pożizzjoni tal-Gvern Malti wasslet ukoll għall-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li fuq Twitter qal li din hi sitwazzjoni tal-mistħija.

Waqt il-laqgħa ta’ dalgħodu, Pelin Unker tenniet l-appell tagħha biex is-soċjetà ċivili tibqa’ magħquda u taħdem flimkien b’għan wieħed ħalli tibqa’ soda fl-ideat tagħha. Hi kompliet li anke kollaborazzjonijiet ma’ pajjiżi oħrajn jgħinu biex il-messaġġ ikompli jasal.

Is-sentenza ta’ priġunerija għall-ġurnalista Torka waslet wara li rrappurtat fatti mill-Paradise Papers, fejn issemmew għadd ta’ persuni fil-poster, fosthom ħaten il-President Erdogan.

Min-naħa tiegħu, David Casa qal li ma jista’ qatt ikun hemm demokrazija jekk ma jkunx hemm libertà tal-espressjoni. U jekk nemmnu li dan mhux aċċettabbli, hemm bżonn naħdmu flimkien biex inbiddlu l-mentalità tas-soċjetà.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew kompla li l-Uffiċjali Pubbliċi għandhom jifhmu l-importanza tar-rwol tal-media u li din tkun b’xejn għal kulħadd. Hu ddikjra li l-Partit Nazzjonalista u pajjiżna se jibqgħu jaħdmu fl-aħjar interess u f’kull pass tal-ħajja tal-ġunalisti u ta’ dawk ta’ rieda tajba.