Formula 1 Sport

Hamilton jikseb is-sitt pole position konsekuttiva fl-Awstralja

(Ritratt: EPA)

Lewis Hamilton kiseb l-84 pole position fil-karriera tiegħu wara li għamel l-aħjar ħin f’1:20.486 li hu rekord fiċ-ċirkwit ta’ Albert Park. Għalih din kienet it-tmien pole position f’Melbourne u s-sitt waħda konsekuttiva. Mercedes urew is-saħħa tagħhom hekk kif Valtteri Bottas spiċċa t-tieni biex b’hekk l-ewwel filliera se tkun ta’ Mercedes.

Diżappunt għal Ferrari li kisbu t-tielet u l-ħames post iżda speċjalment fl-aħħar fażi kienu distakkati miċ-champions tad-dinja b’aktar minn nofs sekonda warajhom. Max Verstappen se jibda mit-tieni filliera ta’ Red Bull qabel Charles Leclerc.

Haas jinsabu sodisfatti bis-sewwieqa tagħhom jagħmlu s-sitt u s-seba’ l-aħjar ħin filwaqt li ż-żagħżugħ Lando Norris kiseb it-tmien l-aħjar ħin fuq McLaren. Kimi Raikkonen ta’ Alfa Romeo u Sergio Perez ta’ Racing Point komplew l-ewwel għaxra.

L-ewwel fażi

Id-distakk bejn is-sewwieqa fl-ewwel fażi kien minimu. Lejn it-tmiem niżlet it-temperatura taċ-ċirkwit u wassal biex is-sewwieqa bdew jagħmlu ħinijiet aħjar. Diversi sewwieqa kienu fil-periklu li jkunu eliminati fosthom Charles Leclerc ta’ Ferrari kif ukoll Antonio Giovinazzi u Kimi Raikkonen ta’ Alfa Romeo.

Iżda fi strateġija li spiċċat biex falliet, Pierre Gasly ta’ Red Bull kienet eliminat wara li temm fis-17-il post kawża ta’ diversi ħinijiet li tjiebu fl-aħħar sekondi. Red Bull ħarġu lil Gaslu għal ftit minuti biss.

Miegħu kienu eliminati Lance Stroll ta’ Racing Point, Carlos Sainz ta’ McLaren u l-koppja ta’ Williams George Russell u Robert Kubica, l-unika tim li jidher distakkat mill-oħrajn.

It-tieni fażi

It-tieni fażi baqgħet missielta b’anqas minn żewġ sekondi distakk bejn l-ewwel u l-15-il sewwieq. Max Verstappen għamel dikjarazzjoni tal-potenzjal ta’ Red Bull bit-tielet l-aħjar ħin wara l-koppja tal-Mercedes.

Ferrari ma kinux fil-periklu li jkunu eliminati iżda diżappunt għal Renault li kellhom lil Nico Hulkenberg u l-Awstraljan Daniel Ricciardo eliminati t-tnejn bil-11 u t-12-il l-aħjar ħin rispettivament.

Eliminati wkoll iż-żewġ sewwieqa ta’ Toro Rosso Alexander Albon u Daniil Kvyat kif ukoll it-Taljan ta’ Alfa Romeo Antonio Giovinazzi. Iż-żagħżugħ ta’ McLaren Lando Norris kompla jimpressjona bid-disa’ l-aħjar ħin filwaqt li Sergio Perez avvanza lejn it-tmiem bl-għaxar l-aħjar ħin.

Kif se jibdew

1. Lewis Hamilton (Mercedes 1:20.486, 2. Valtteri Bottas (Mercedes) +0.112, 3. Sebastian Vettel (Ferrari) +0.704, 4. Max Verstappen (Red Bull) +0.834, 5. Charles Leclerc (Ferrari) +0.956, 6. Romain Grosjean (Haas) +1.340, 7. Kevin Magnussen (Haas) +1.613, 8. Lando Norris (McLaren) +1.818, 9. Kimi Raikkonen (Alfa Romeo) +1.828, 10. Sergio Perez (Racing Point) +2.295

Eliminati fit-tieni fażi

11. Nico Hulkenberg (Renault), 12. Daniel Ricciardo (Renault), 13. Alexander Albon (Toro Rosso), 14. Antonio Giovinazzi (Alfa Romeo), 15. Daniil Kvyat (Toro Rosso)

Eliminati fl-ewwel fażi

16. Lance Stroll (Racing Point), 17. Pierre Gasly (Red Bull), 18. Carlos Sainz (McLaren), 19. George Russell (Williams), 20. Robert Kubica (Williams)