Bidu pożittiv għall-atleti Maltin ta’ Special Olympics fil-Logħob tad-Dinja li bdew il-Ġimgħa f’Abu Dhabi. Sa issa ntrebħu disa’ midalji; ħamsa deheb, tlieta fidda u midalja tal-bronż.
L-għawwiema Għawdxija Maria Pia Saliba li għandha 20 sena, rebħet il-midalja tad-deheb wara li spiċċat fl-ewwel post fl-għawm fil-kategorija tal-25 metru butterfly. Hi waqqfet l-arloġġ f’ħin ta’ 27.19 sekonda u daħlet qabel Catalina Victoria Domingo tal-Arġentina, Ana Montero tal-Costa Rica u Valentina Pace tal-Italja.
Fl-atletika, Ann Ebejer rebħet id-deheb fil-200 metru. L-atleta ta’ 18-il sena għamlet ħin ta’ 29.36 sekonda u spiċċat b’distakk ta’ ftit anqas minn sekonda fuq Shih Han Lin taċ-Chinese Taipei.
It-tim Malti tal-Unified Bowling magħmul minn Philip Gruppetta, Peter Mallia, Amanda Cini u Jessica Farrugia spiċċaw fl-ewwel post b’total ta’ 2357 punt, qabel l-Iżrael, il-Panama, l- Emirati Għarab Magħquda u d-Danimarka.

Iċ-Ċikliżmu wkoll ta sodisfazzjon lill-kontinġent Malti hekk kif Carmelo Pace u Giuseppina Galea spiċċaw fit-tellieqa tat-time trial fuq żewġ kilometri. Pace għamel ħin ta’ erba’ minuti u sekonda u rebaħ b’vantaġġ ta’ 12-il sekonda. Galea rebħet b’vantaġġ ta’ 10 sekondi wara li għamlet ħin ta’ sitt minuti u seba’ sekondi.
Warren Schembri u Doreen Vella rebħu żewġ midalji tal-fidda fit-Table Tennis filwaqt fil-Ġinnastika Artistika, Enrique Xerry u Ann Marie Bugeja rebħet il-bronż.
Il-kontinġent Malti hu magħmul minn 28 atleta, u f’din l-edizzjoni hemm aktar minn 7,500 atleta minn 190 pajjiż. Iċ-Ċerimonja tal-Għeluq issir il-Ħamis li ġej.
